Ingliż ta’ 27 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum ġo pixxina li tinsab fi Triq it-Trunċiera San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn nies li kienu fuq il-post u baqgħu jassistu sakemm wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Il-vittma ttieħed l-isptar għal aktar kura, iżda b’xorti ħażina huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech ħatret inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar il-każ.