Ftit wara t-15:00 tat-Tnejn waranofsinhar l-Pulizija daħlulha rapporti li kien għadu kif waqa’ persuna li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni f’San Ġiljan. L-inċident seħħ fi Triq Francis Zammit. Immedjatament fuq il-post mar tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma’ membri mid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li l-persuna li huwa Taljan ta’ madwar 40 sena u ġie ddikjarat mejjet fuq il-post.
Intant, fuq il-post kien evidenti x-xokk fuq sħab il-ħaddiem li kien għadu kif tilef ħajtu b’uħud minnhom saħansitra baqgħu jakkumpanjawh il-ħin kollu sakemm idaħħal fil-hease tal-korp tal-Pulizija.
Dan kien it-tieni inċident fatali f’sit ta’ kostruzzjoni għal dan il-jum hekk kif kmieni dalgħodu instab ġuvni bla ħajja f’sit ta’ kostruzzjoni ieħor f’Tas-Sliema.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.