Raġel ta’ tlieta u sebgħin sena tilef ħajtu traġikament u martu ta’ erbgħa u sebgħin sena qiegħda tissielet għall—ħajjitha wara ħabta frontali li seħħet fi Triq Ħad-Dingli fil-Rabat.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu meta minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Mitsubishi Pajero li kienet misjuqa minn raġel ta’ 48 sena minn Ħad-Dingli u Daihatsu Hi-jet li kienet qed tinstaq mill-vittma u li miegħu kellu passiġġiera lil martu.
Fuq il-post issejħu bosta membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu lill-vittmi li kienu nqabdu fil-karozza. Issejjaħ ukoll tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel u l-mara l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Siegħa wara l-inċident ir-raġel u l-mara ġew iċċertifikati li kienu qegħdin isofri minn ġrieħi serji, tant li r-raġel tilef ħajtu ftit tal-ħin wara fit-Taqsima tal-Kura Intensiva kawża tal-ġrieħi sejri li ġarrab. Martu għadha qed tinżamm l-ITU tissielet għall-ħajjitha.
Ir-raġel ta’ tmienja u erbgħin sena ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Marsianne Farrugia li ħatret bosta esperti biex jassistuha fl-inkjesta maġisterjali.