Pulizija ta’ sebgħa u għoxrin sena li fi tmiem il-ġimgħa li għadda ġie arrestat b’rabta ma’ stupru u abbuż sesswali fuq żewġ uffiċjali nisa tal-Korp tal-Pulizija inżamm arrestat fit-taqsima Forensika tal-isptar Monte Karmeli wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih.
Fil-Qorti r-raġel qal m’għadux aktar uffiċjal tal-pulizija wara li irreżenja mill-Korp tal-Pulizija kmieni t-Tlieta filgħodu.
Il-ġuvni li ismu u d-dettalji tiegħu ma jistgħu jixxandar fuq ordni tal-Qorti qed jiġi akkużat li fl-aħħar xhur stupra pulizija ta’ madwar għoxrin sena ġewwa l-Għassa tal-pulizija tal-Imsida kif ukoll li għamel attentat fuq il-pudur ta’ Pulizija oħra ġo karozza tal-korp tal-Pulizija.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li l-każ beda jiġi investigat mill-Pulzija wara li t-tfajla ta’ dsatax-il sena allegatament semgħet bl-abbuż li kien twettaq mill-istess uffiċjal fuq kollega tagħha li taħdem fl-istess distrett tagħha. Kien hawn li sar rapport lis-superjuri tagħhom li minnufih sejħu għall-kuntistabbli inkwistjoni u beda jiġi investigat.
Viżibbilment emozzjonat u mbikkem, ġo awla fi skiet taqtgħu b’sikkina, il-ġuvni li kien akkumpanjat minn diversi membri mit-taqsima ta’ kontra l-vizzji deher jiġi kkunslat minn membru tal-familja.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Alfred Abela li jsir social enquiry report fuq l-imputat u talbet li għalissa jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament.
Fl-awla tal-Maġistrat Monica Vella, id-difiża talbet ukoll li fis-seduta li jmiss għandha titla’ tixhed l-ewwel vittma sabiex il-Qorti u l-partijiet kollha involuti jkunu jistgħu iqisu l-pożizzjoni tagħhom dwar dan il-każ.
Id-difiża ddikjarat ukoll li f’dan l-istadju ma kinietx se titlob għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet li l-ġuvni jinżamm fl-isptar Monte Karmeli.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca u Joseph Busuttil ma sabet l-ebda oġġezzjoni għat-talbiet tad-difiża u kien hawn fejn il-Qorti laqgħet dawn it-talbiet kif ukoll ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront taż-żewġ vittmi.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ l-Erbgħa wara nofsinhar fejn mistennija titla’ tixhed l-allegata vittma tal-istupru.