AĠĠORNAT: Intant il-Partit Nazzjonalista kkonferma d-deċiżjoni ta’ Therese Comodini Cachia li ma tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-partit.
Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech, il-Partit Nazzjonalista nnota d-deċiżjoni ta’ Comodini Cachia.
AKTAR QABEL: It-Times irrappurtat li Therese Comodini Cachia ddeċidiet li mhux se toħroġ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Ingħad li Comodini Cachia żvelat dan mat-Times fejn spjegat kif mhux lesta li tkun kandidata Nazzjonalista mal-partit immexxi minn Bernard Grech, fl-elezzjoni li jmiss.
Fuq il-Maltatoday intqal ukoll li Comodini Cachia, infurmat lil Kap Bernard Grech u lis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech bid-deċiżjoni tagħha.
Il-Maltatoday irrappurtat li dik li kellha toħroġ fuq it-tmien distrett aktarx urtat lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bid-deċiżjoni tagħha.
Saħansitra l-Maltatoday issemmi li anki Ivan Bartolo, li ċeda s-siġġu parlamentari lil Bernard Grech u kien fost dawk li imbotta biex jitneħħa Adrian Delia, b’mozzjonijiet interni, issa lanqas hu ċert jekk hux ħiereġ jew le mal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fil-fatt għalkemm kien hemm rapporti li Bartolo aktarx ħiereġ fuq ir-raba’ u d-disa’ distrett, sorsi fid-Dar Ċentrali qed jgħidu li dan irtira.
Sa sena ilu, Comodini Cachia kienet il-persuna li d-deputati li sfiduċjaw lil Adrian Delia, rieduha bħala Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.
Wara hija spiċċat twarrbet u ma tħallitx toħroġ għall-Kap tal-partit mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, anki jekk kien mistenni li tagħmel dan meta skattat it-tellieqa għall-Kap, fis-sajf tas-sena l-oħra.
Fil-bidu ta’ din is-sena, Comodini Cachia kienet fost id-deputati li qajmu rebus għar-reshuffle tax-shadow cabinet ta’ Bernard Grech, li dam ma ħatru iżjed minn mitt jum.
Dan għall-portafoll oriġinarjament offrut lilha.