Ħaddiem ta’ 52 sena mix-Xewkija miet wara li ċeda s-saqaf ta’ latrina fuqu fid-Dwejra Għawdex, limiti ta’ San Lawrenz.
Fuq il-post kien hemm tim mediku u anki membri tal-Protezzjoni Ċivili iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:30 ta’ dalgħodu u meta waslet il-pulizija beda jiġi stabbilit jekk kienx hemmx xi persuni fil-ħin li ċeda s-saqaf.
Xhieda fuq il-post qalu lil dan l-istazzjon li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq is-saqaf mal-kollegi tiegħu u mar jistkenn taħt is-saqaf tal-latrina meta qabdet ix-xita.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Bridgette Sultana li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.
Intant fi stqarrija l-Ministeru għal Għawdex ta l-kondoljanzi lill-qraba tal-vittma, li kien ħaddiem tal-Iskema għall-Ħidma fil-Komunità.
Aktar qabel – One.com.mt jinsab infurmat li għall-ħabta tad-9:30am ċeda saqaf ta’ latrina fl-inħawi tad-Dwejra
Kelliem tal-Pulizija qal lil dan is-sit li bħalissa għaddejjin investigazzjonijiet fil-ħin li ċeda s-saqaf jekk kienx hemm xi ħadd fil-latrina.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.