Missier u ħaddiem ta’ 36 sena minn Ħal Safi tilef ħajtu b’mod traġiku wara li nqabad taħt kontejner waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet fil-Port Ħieles.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5:00 ta’ waranofshinhar.
Mill-informazzjoni li kiseb ONE News jirriżulta li għal xi raġuni kontejner waqa’ fuq il-kabina tal-lifter tal-ħaddiem.
Fost il-ħaddiema tal-Port Ħieles dan il-lifter huwa magħruf bħala tal-vojt.
Fuq il-post issejħet l-assistenza ta’ tim mediku, membri tal-Protezzjoni Ċivili u membri tal-Pulizija.
Sfortunatament il-ħaddiem ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Strafrace, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.