Ħadd ma weġġa’ wara nirien li żviluppaw fil-binja tat-torri ta’ Portomaso
Il-pulizija qalet li ġiet imsejħa fit-tlieta neqsin kwart ta’ waranofsinhar.
Fuq il-post marru vetturi tat-tifi tan-nar u membri tal-Protezzjoni Ċivili, li dehru jitfu n-nirien li bdew minn sulari iżjed ’l isfel iżda d-daħna bdiet tidher mit-tmien sular.
Kawża ta’ dan il-każ, bosta persuni ġew evakwati.
Fuq il-post kien hemm timijiet mediċi b’ambulanzi, lesti għal kull eventwalità.
Sa issa għadha mhux magħrufa l-kawża tan-nirien.
Aktar qabel – ONE News jinsab infurmat li żviluppaw xi nirien fit-torri ta’ Portomaso.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-2:45 ta’ waranofsinhar.
Kelliem tal-Pulizija qal ma’ dan l-istazzjon li kawża tan-nirien ġew evakwati l-persuni li kienu fit-torri.
Sostna li s’issa jidher ma hemmx nies midruba jew maqbuda fil-post, madankollu l-ħidma tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-post għadha għaddejja.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna wkoll ta’ tim mediku.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwan dan il-każ għadhom għaddejjin.