Gordon Calleja ta’ ħamsa u erbgħin sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Huwa nstab mejjet għall-ħabta tas-sitta u nofs tas-Sibt filgħodu.
Calleja kien qed ikun akkużat b’attentat ta’ qtil wara li t-Tnejn 12 t’Awwissu 2019 allegatament prova joqtol lil sid ta’ pastizzerija f’tentattiv li jisirqu.
Is-sid tal-pastizzerija, kien xehed fil-Qorti li Gordon Calleja allegatament kien tah tliet daqqiet ta’ xafra f’għonqu wara li kien ingħata x’jiekol u x’jixrob mis-sid innifsu.
Dakinhar il-vittma ħarab u mar l-għassa tal-Pulizija wara li qal lill-akkużat li kien se jmur iġib il-flus mill-karozza tiegħu.
Calleja allegatament irnexxielu jċarrat lill-vittma minn taħt widnejh għal nofs għonqu u kawża ta’ dan tilef ħafna demm u kellu jagħmel operazzjoni ta’ tlett sigħat.
Fil-Qorti Calleja kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu.
Fi stqarrija, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li kollox jindika li r-raġel miet mewta naturali.
Bil-każ ġew infurmati l-Pulizija tad-Distrett, u nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa.