Fl-aħħar sigħat, feġġew għaxar każijiet oħra ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 487 test, biex it-total ta’ persuni nfettati f’Malta tela’ għal 149.
Sitta minn dawn il-każijiet huma relatati ma’ safar, u l-4 l-oħra ttieħdu minn trażmissjoni lokali.
Għall-ewwel darba hemm anzjan ta’ 72 sena li qiegħed fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u jinsab f’qagħda kritika.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li l-anzjan Malti ta’ tnejn u sebgħin sena, kien iddaħħal l-isptar bi qtugħ ta’ nifs, deni u uġigħ f’sidru. Meta sarlu t-test l-ewwel darba kien irriżulta fin-negattiv, iżda l-kundizzjoni tiegħu kompliet sejra għall-agħar u wara li sarulu aktar swabs, il-Ġimgħa ħareġ pożittiv.
Huwa għandu l-kundizzjoni tal-pneumonia bilaterali, jiġifieri ż-żewġ partijiet tal-pulmun għandhom infezzjoni qawwija.
L-anzjan Malti ħa l-virus mingħand membru tal-familja li ġie nfettat minn barra l-pajjiż.
Il-Prof. Charmaine Gauci spjegat: “Bħalma konna qegħdin ngħidu, l-anzjani huma nies li huma vera vulnerabbli u allura jekk jaqbadhom dan il-virus hemm ċans kbir li huma jista’ jkollhom kumplikazzjonijiet u proprju sfortunatament dan ir-raġel ġralu hekk fejn il-kumplikazzjoni li għandu l-persuna hija ta’ bilateral pneumonia, taż-żewġ pulmuni, u issa qiegħed proprju l-ITU taħt il-kura tal-ispeċjalisti, qiegħed intubat u bil-ventilator.”
Każ ieħor relatat ma’ safar huma tliet membri tal-istess familja li ġew mill-Filippini fit-13 ta’ Marzu. Dawn huma mara ta’ erbgħin sena, raġel ta’ 41 sena, u raġel ta’ 47 sena.
Każ ieħor huwa ta’ raġel ta’ 59 sena mill-Ingilterra li jgħix Malta, u li kellu sintomi ta’ għejja, uġigħ fil-muskoli u nuqqas ta’ togħma. Huwa ġie mal-familja ta’ tliet persuni u qagħad fi kwarantina.
Każ ieħor impurtat huwa ta’ Malti ta’ 30 sena li ġie minn Franza u qagħad fi kwarantina.
L-ewwel każ ta’ trażmissjoni lokali huwa ta’ mara ta’ 34 sena li taħdem fil-qasam tas-saħħa u bdiet bis-sintomi fis-26 ta’ Marzu. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jidentifikaw il-kollegi u membri tal-familja li seta’ kellhom kuntatt magħha.
It-tieni każ trażmess lokalment huwa Malti ta’ 36 sena li huwa s-sieħeb ta’ persuna oħra li rriżultat fil-pożittiv u li ma kellhiex safar.
Żewġ każijiet oħra huma Indjani ta’ 36 sena u 31 sena rispettivament, li kellhom kuntatt ma’ persuna oħra li diġà rriżultat fil-pożittiv. Dan il-każ żviluppa fuq il-post tax-xogħol fejn kien hemm numru ta’ persuni li ġew affettwati, liema numru issa tela’ għal seba’ każijiet pożittivi.
Il-Professur Charmaine Gauci spjega li issa hemm tliet każijiet l-ITU – anzjan ta’ 61 sena li qiegħed f’qagħda stabbli, mara ta’ 60 sena li wkoll qiegħda f’qagħda stabbli, u l-anzjan ta’ 72 sena li qiegħed f’qagħda kritika.
Aktar minn qatt qabel appellat biex l-anzjani u dawk b’mard kroniku jibqgħu d-dar.
Il-Prof. Charmaine Gauci kompliet tispjega: “Diġà kellna dawn il-każijiet li huma nies ta’ ’l fuq minn 60 sena, li proprju hemmhekk qegħdin naraw li jista’ jkollok chances ta’ kumplikazzjonijiet meta inti jkollok età iktar avvanzata imma anki każijiet fejn ikollok kundizzjonijiet kroniċi jew ikunu fuq ċertu trattamenti u għalhekk dejjem nibqgħu intennu l-appelli tagħna għall-kawtela speċjalment f’dawk in-nies li huma aktar vulnerabbli u l-anzjani.”