Diversi persuni Maltin u Libjani mistennija jitressqu l-Qorti illejla, għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, quddiem il-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras. Huma se jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus, b’assoċjazzjoni, reati ta’ evażjoni ta’ taxxa, attività finanzjarja mingħajr liċenzja mill-awtorità kompetenti, fost reati oħra.
Huma ġew arrestati wara li f’operazzjoni li wettqu il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus, ġew elevati żewġ vetturi lussużi, madwar €100,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, pjanċi ta’ vetturi b’reġistrazzjoni barranija, apparat elettroniku li jinkludi fost oħrajn mobiles, pendrives, kompjuters, tablets u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ saru b’koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet barranin fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Europol.