Justin Borg ta’ 33 sena minn Ħal Safi u li jaħdem bħala bejjiegħ tal-ħaxix inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li qatel lill-eks sieħba u omm iż-żewġ uliedu, Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena.
Chetcuti li hija l-ewwel vittma ta’ omiċidju għal din is-sena, mietet tard it-Tnejn filgħaxija fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.
Hija mietet kaġun ta’ ħames daqqiet ta’ sikkina tal-kċina li qalgħet f’bosta partijiet ta’ ġisimha, inkluż f’rasha u f’għonqha, allegatament mill-eks sieħeb tagħha.
Il-kaz seħħ il-Ħadd filgħaxija meta l-akkużat u l-vittma kellhom argument li beda fil-każin tas-St Patrick’s f’Ħaż-Żabbar u eskala fuq il-bankina.
Chantelle nstabet midruba u mitlufa minn sensiha f’għadira demm għall-ħabta tat-8:15 ta’ filgħaxija. Borg ħarab minn fuq il-post, iżda ta ruħu b’idejh fid-Depot tal-Pulizija.
L-Ispettur Kurt Zahra mill-Iskwadra tal-Investigazzjonijiet Kriminali akkuża lil Borg b’ħames kapi ta’ akkuża fosthom li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u li kiser il-paċi pubblika.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Borg li deher viżibbilment kalm u b’subgħajh iż-żgħir infaxxat, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Avukati difensuri Franco Debono u Marion Camilleri u ħatret lill-Psikjatra Anton Grech biex jeżamina lill-vittma.
Il-qraba tal-akkużat fosthom ommu u zitu ntalbu joħorġu ‘l barra mill-awla mill-Ispettur Zahra minħabba li jistgħu jintalbu jixhdu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-akkużat.
Malli xiref ‘il barra mill-awla, omm l-akkużat bi dmugħ nieżel ma’ ħaddejha, dehret tgħannqu magħha qabel ma ġie eskortat lejn il-ħabs. Qabel daħal fil-karozza tal-Pulizija huwa deher ibaxxi rasu u jgħatti wiċċu b’ġakketta.
Il-Prosekuzzjoni li qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra u Joanna Piscopo għad trid tistabbilixxi l-motiv wara dan l-ewwel delitt tas-sena.
Intant fi stqarrija b’reazzjoni għal bosta kummenti fil-midja, il-Pulizija ċċarat li matul l-aħħar snin, il-vittma għamlet rapport wieħed biss lill-Pulizija dwar vjolenza domestika fil-konfront ta’ Borg.
Ir-rapport sar fi Frar ta’ 7 snin ilu u l-Pulizija ħarġu l-akkużi kontrih. Il-proċeduri ntemmu mill-Qorti tal-Familja f’Ġunju tal-istess sena.
Il-Korp tal-Pulizija saħaq li l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika kienet, għadha u tibqa’ prijorità.