Pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku ġarrab ġrieħi serji wara dik li kellha tkun spezzjoni ta’ rutina għal ftit ma spiċċatx f’diżgrazzja hekk kif ix-xufier li huwa minorenni ta’ sbatax-il sena saq fuqu u kaxkru bil-mutur għal erba’ mitt metru. Il-kuntistabbli tħalla mitfugħ taħt bankina fl-entratura taż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa.
L-inċident beda biswit ir-roundabout ta’ Ħal Luqa fejn għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħodu, waqt li kien għaddej bil-qadi ta’ dmirijietu, il-Pulizija waqqaf vettura tal-għamla Mercedes/ Madankollu x-xufier m’obdiex l-istruzzjonijiet u saq għal fuq il-Pulzija bil-konsegwenza li qabdu taħt l-istess vettura.
Fuq il-post, immedjatament issejħu diversi membri tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma tim mediku mill-Isptar Mater Dei mmexxi mit-tabib tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri fejn taw l-ewwel għajnuna lill-vittma.
Il-Pulizija jidher li ġarrab diversi ġrieħi f’diversi partijiet ta’ ġismu fosthom f’idu. Huwa ttieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza li kienet skortata minn mutur tal-Pulizija u vettura oħra tal-Protezzjoni Ċivili u oħra mill-Isptar Mater Dei.
Fuq ix-xena tal-inċident, il-Pulizija u l-esperti forensiċi dehru jistħarrġu l-marki li ħalla l-elmu tal-Pulizija fuq it-tarmak minn fejn beda l-inċident sa fejn spiċċa.
Fil-mumenti ta’ wara l-inċident inġabru wkoll numru kbir ta’ kollegi tal-vittma, Simon Schembri li bdew it-tfittxijiet għall-karozza tal-ġuvni u għalqu t-toroq fl-inħawi tal-inċident.
Il-ġuvni, Liam Debono ta’ sbatax-il sena u li joqgħod Ħal Tarxien ġie arrestat minn diversi membri tar-Rapid u Special Intervention Unit li ħarġu mill-bażi tagħhom f’Ta’ Kandja fejn interċettaw lill-ġuvni u arrestawh immedjatament fi Triq Ħal Farruġ. Sorsi qrib l-investigazzjoni kkonfermaw ma’ ONE News li l-karozza involuta fl-inċident kienet irreġistrata fuq oħt il-ġuvni.
B’reazzjoni għal dan l-inċident kienu bosta li esprimew solidarjetà u fejqan ta’ malajr lil Schembri inkluż il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia. Kawża tal-inċident, it-toroq triq Ħal-Qormi u Triq Ħal-Farruġ għamlu kważi erba’ sigħat magħluqa għat-traffiku sakemm saru l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kif ukoll l-Inkjesta Maġisterjali.
Il-ġuvni mistenni jitressaq il-Qorti mixli b’diversi akkużi fosthom li darab gravi lill-kundistabbli Schemrbi u li saq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.
Filmati: Kyle Mifsud