Raġel ta’ sitta u tletin sena minn Ħ’Attard, kmieni dalgħodu kien arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ sejba ta’ Bulgaru ta’ sebgħa u ħamsin sena, li kien midrub b’daqqiet ta’ sikkina.
Il-vittma nstab mixħut mal-art ferut u mimli dmija għall-ħabta tal-ħdax u kwart tal-Ħamis filgħaxija fil-parkeġġ il-kbir ta’ ħdejn l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Huwa jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-Pulizija mid-Distrett tar-Rabat u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru mill-ewwel fuq il-post, fejn hemmhekk sabu l-vittma mixħut fuq bankina. Kien kuntistabbli li ma kienx xogħol u li nzerta għaddej mill-akwati, li waqaf jagħti l-ewwel għajnuna.
Il-pulizija qalet li l-allegat aggressur instab mistoħbi f’komun ta’ blokka appartamenti f’Ħ’Attard.
Ir-raġel instab b’xi ġrieħi f’saqajh li saru waqt l-allegat aggressjoni f’Ta’ Qali.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li f’daħla li tagħti għall-għelieqi nstabet karozza bid-dwal mixgħula. Irriżulta li l-karozza kienet tal-vittma. Ħdejn il-karozza u fid-daħla ta’ fejn instabet, ġew nnutati traċċi tad-demm, bil-pulizija tagħlaq il-post sabiex tkun ippreservata x-xena tar-reat.
Ritratti: Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)