Anzjana ta’ 77 sena tinsab fil-periklu tal-mewt wara li l-Ħadd waranofsinhar waqgħet ġo xaft ta’ blokka appartamenti f’Ħaż-Żabbar.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-3:45 ta’ waranofsinhar fi Triq Agatha Barbara.
Immedjatament fuq il-post intalbet l-assistenza ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili li bdew b’ħidma sabiex itellgħu il-mara mix-xaft.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li L-operazzjoni kenet waħda kumplessa hekk kif ix-xaft kien dejjaq ħafna. Xhieda tal-inċident qalulna wkoll li mal-mara waqa’ wkoll kelb tar-razza Chihuahua madankollu dan jidher li ma sofriex ġrieħi gravi.
Il-mara ngħatat l-ewwel assistenza medika fuq il-post minn tim mediku tal-Isptar Mater Dei mmexxi mit-tobba tal-emerġenza Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin. L-anzjana ttieħdet l-isptar permezz t’ambulanza fejn aktar tard ġie ċċertifikat li ġarrbet ġrieħi serji.
Dwar dan il-każ inħatret ukoll inkjesta Maġisterjali, immexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace.