ONE News hu infurmat li anzjan ta’ 79 sena baqa’ dieħel bil-vettura fil-monti li jarma f’Misraħ San Ġakbu f’Ħaż-Żabbar wara li allegatament għafas il-gass minflok il-brake u laqat xi persuni.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-09.15am hekk kif fuq il-post inqalgħet kommossjoni. Jirriżulta li numru ta’ persuni ttieħdu l-isptar għall-kura waqt li fuq il-post hemm diversi timijiet mediċi u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani, spjega kif sitt persuni weġġgħu kawża ta’ dan l-inċident filwaqt li l-anzjan li kien qed isuq il-vettura wkoll ittieħed lejn l-isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard, il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela qal li 11-il persuna indarbu b’kollox bi tmienja jinsabu l-isptar għal aktar kura.
Jidher li minn dawk midruba ħadd ma jinsab f’kundizzjoni serja.
Pisani stqarr li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin b’mod partikolari biex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.
ONE News jinsab infurmat ukoll li l-persuni li ttieħdu l-isptar jinsabu f’qagħda ta’ saħħa stabbli. Skont aktar informazzjoni li waslitilna, l-anzjan allegatament ħassu ħażin bil-konsegwenza li għafas il-gass minflok il-brake.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, kiteb fuq il-midja soċjali dwar dan l-inċident, filwaqt li deher preżenti fuq il-post.
F’kitba fuq il-midja soċjali, l-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela ta aktar dettalji dwar dawk li ttieħdu għall-kura.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech ukoll kiteb fuq il-midja soċjali.
Aktar informazzjoni malli taslilna.

Dan l-istazzjon, li kien preżenti fuq il-post, aġġorna lill-pubbliku b’mod dirett dwar is-sitwazzjoni qed tiżvolġi.
Aktar ritratti:



Ħajr lil Lawrence Galea