Mill-inqas ħames persuni, fosthom minorenni ta’ 9 snin, inqatlu u għexieren oħra sfaw midruba wara li karozza saqet fuq in-nies f’suq tal-Milied f’Magdeburg, belt fil-Lvant tal-Ġermanja. Dan l-attakk, deskritt mill-awtoritajiet bħala “attakk intenzjonat”, ħarbat mhux ftit anke l-ħajja ta’ diversi Ġermaniżi li bħalissa jżuru u jtellgħu diversi swieq mifruxa mall-pajjiż kollu.
Is-suspettat, li ġie arrestat, huwa tabib mill-Arabja Sawdija ta’ madwar 50 sena u ilu jgħix fil-Ġermanja mill-2006, fejn jidher li saq madwar 400 metru fuq in-nies li kienu f’dan il-Villaġġ tal-Milied. Ġie rrappurtat ukoll li Taleb al-Abdulmohsen, kien ilu jaqsam il-fehmiet Iżlamofobiċi online għal snin sħaħ, fejn saħansitra kellu intervisti bi kritika aggressiva tal-Iżlam, kif ukoll kien ħoloq pjattaforma online biex tgħin liċ-ċittadini Sawdin japplikaw għall-ażil fil-Ġermanja. Huwa kien voċiferu ħafna fejn kien anke jsostni li l-istat Ġermaniż qed jagħti ażil lill-ġiħadisti Sirjani.
Għalkemm għad hemm bosta nies feruti, li jidher huma mall-200 persuna, 40 minnhom huwa ikkunsidrati bħala serji, fejn diversi infermiera, tobba u anke voluntiera qed jgħinu fl-isptarijiet li fihom iddaħħlu dawn il-persuni.
Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz u l-Ministru Federali għall-Intern Nancy Faeser żaru l-post tal-attakk ta’ Magdeburg, fejn Faeser ikkonfermat li l-Pulizija Federali qed tappoġġa b’mod attiv l-investigazzjoni dwar it-traġedja.
Filwaqt li tkellem mal-midja, il-Kanċillier Ġermaniż, waqt iż-żjara tiegħu fil-post qal li m’hemmx post aktar paċifiku jew seren aktar minn suq tal-Milied. Qal li dan huwa avveniment traġiku u devastanti, u xejn m’għandu jibqa’ mingħajr tweġiba, bl-att ikun suġġett ta’ investigazzjoni sħiħa.
Sadanittant, b’tifkira tal-vittmi tal-attakk imwettaq fis-suq tal-Milied f’Magdeburg, il-Knisja Evanġelika tal-Ġermanja Ċentrali (EKM) ħabbret li il-knejjes se jagħmlu att simboliku fejn fis-7:04pm tal-lejla, il-ħin tal-attakk tal-bieraħ, se jindaqqu l-qniepen tal-knejjes kollha f’Magdeburg u fir-reġjuni tal-madwar.