22 immigrant inżammu arrestati wara li dalgħodu tressqu l-Qorti b’rabta mar-rewwixta li saret jumejn ilu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq il-persuni ġejjin fost l-oħrajn mill-Alġerija, miċ-Chad, mis-Sudan, mill-Ghana, mill-Guinea u mil-Libja ġew mixlija li insultaw u weġġgħu ħafif lil ħames uffiċjali ta’ detenzjoni, li ġabu ruħom b’mod vjolenti u li rreżistew l-arrest.
Huma ġew akkużati wkoll li kienu kompliċi biex isir reat kriminali, għamlu ħsara b’mod volontarju, li kisru l-paċi pubblika, ma obdewx il-liġijiet, heddew uffiċjali pubbliċi u li waddbu l-ġebel f’proprjetajiet privati.
Nhar it-Tnejn li għadda ġew arrestati 24 immigrant iżda tressqu l-Qorti tressqu 22 immigrant li kienu marbuta tnejn tnejn hekk daħlu l-Qorti.
Fil-Qorti l-immigranti kienu mgħejjuna minn żewġ interpreti wieħed għall-Għarbi u l-ieħor għall-Franċiż.
Permezz tal-avukat tal-għajnuna legali, Yanika Bugeja, l-immigranti wieġbu mhux ħatja iżda ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvin Camilleri.