Hossain Hadaw ta’ tletin sena, Udol Emanuel David Joshua ta’ tletin sena, Akutan Kitiel Tanek ta’ 17-il sena u Khamis Ismail Mustafa ta’ 22 sena mill-Afrika ġew ikkundannati bejn 7 u 9 xhur ħabs wara li wieġbu ħatja li l-Erbgħa li għadda ħadu sehem f’rewwixta li wasslet għal nirien kbar fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa.
L-immigranti kienu fost grupp ta’ 20 li twasslu l-Qorti b’xarabank tal-pulizija u kienu mgħassa mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Dan kien it-tieni grupp ta’ immigranti f’ġimgħa li tressaq il-qorti din il-ġimgħa dwar każ simili li seħħ fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Sarah Zerafa u Paul Camilleri qalet li r-rewwixta seħħet l-Erbgħa li għadda għall-ħabta tas-1:00 ta’ waranofsinhar meta l-pulizija ġiet mgħarrfa li kien hemm nar u dħaħen kbar ħerġin mid-dormitorju ewlieni taċ-ċentru.
Ingħad li ladarba l-pumpiera tfew in-nirien, l-investigaturi tkellmu mal-uffiċjali tas-sigurtà li kienu xogħol fil-ħin tal-inċident.
Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-protesti bdew sa minn kmieni filgħodu b’għadd ta’ immigranti insistew li jitkellmu mal-uffiċjali tal-AWAS u riedu jitilqu miċ-ċentru.
Allegatament l-immigranti saru vjolenti wara li tgħarrfu li t-talbiet tagħhom ma setgħux jintlaqgħu.
Aktar tard, il-pulizija identifikat l-erba’ immigranti li kebbsu n-nirien fiċ-ċentru. Huma ttieħdu d-depot tal-pulizija flimkien ma’ 16-il immigrant ieħor.
L-immigranti għandhom bejn il-15 u t-30 sena u ħamsa minnhom huma taħt l-età.
16-il immigrant ġew akkużati li ma obdewx l-ordnijiet tal-uffiċjali taċ-ċentru, ħadu sehem f’rewwixta u li kisru l-paċi pubblika. 12 minnhom baqgħu jinżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Erbgħa oħra fosthom żagħżugħ ta’ 15-il sena ġew mixlija li qabbdu d-dormitorju u karozza. Huma ċaħdu l-akkużi kontrihom waqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Aktar tard 12-il imsmigrant ieħor wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, b’wieħed minnhom jgħid li kien qed jaġixxi ta’ traduttur. Ħadd minnhom ma ngħata l-ħelsien mill-arrest.