It-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ogħla mill-medja taż-Żona Ewro, skont l-aaħħar ġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali li ħareġ l-Erbgħa filgħodu.
L-aġġornament, li wera wkoll kif ir-rata tal-qgħad kompliet tonqos, spjega wkoll li l-attività ekonomika f’pajjiżna fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kompliet tikber.
L-esperti tal-Bank Ċentrali qalu li, meta wieħed jeskludi l-importazzjoni, il-kummerċ barrani kien l-istimolu ewlieni għat-tkabbir, hekk kif il-kontribut tad-domanda domestika kien wieħed pożittiv.
L-istima tal-Bank tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet pożittiva, li tindika wkoll li li kien hemm użu żejjed tal-kapaċità produttiva tal-ekonomija.
Sadanittant l-aġġornament wera wkoll li l-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kien f’livell kemm xejn ogħla mill-medja storika tiegħu, filwaqt li l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tela’ ’l fuq mill-medja storika rispettiva.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol għall-ewwel kwart ta’ din is-sena baqgħu pożittivi, waqt li l-pressjoni fuq iż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur battiet ukoll.
Il-Bank Ċentrali wkoll innota kif naqas il-proporzjon tad-defiċit ġenerali tal-Gvern fil-Prodott Gross Domestiku.