14:58 – Is-seduta ġiet fi tmiemha. Il-Maġistrat Rachel Montebello toħroġ ’il barra mill-awla.
14:52 – Il-Maġistrat Rachel Montebello li bħalissa qed ikunu diskussi r-raġunijiet tal-kawża u mhux l-evidenza.
14:51 – L-Avukat Vince Galea qal li s’issa l-avukati għandhom f’idejhom il-provi ta’ 23 kaxxa minn 78 kaxxa ta’ evidenza.
14:50 – Il-Maġistrat Montebello tgħid li l-Avukati difensuri għandhom jagħtu l-lista tagħhom ta’ xhieda sa nhar it-17 ta’ Ġunju.
14:46 – L-Avukat Arthur Azzopardi jitlob li jkun hemm xhieda ta’ espert internazzjonali, li xehed fl-inkjesta. Hawnhekk il-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet din it-talba, minħabba li x-xhieda fl-inkjesta ma jistgħux jixhdu, kif joħroġ mil-liġi.
14:44 – L-Avukati difensuri jitolbu li fis-seduta li jmiss ikun hemm ix-xhieda minn rappreżentanti mir-Reġistru tan-Negozji, l-MBR.
14:43 – Dr Franco Debono nnota r-riformi li saru fl-aħħar, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali ssaħħaħ u huwa importanti li dawn jixhdu.
14:40 – L-Avukati difensuri talbu biex ikun hemm ix-xhieda tal-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona din it-talba.
14:38 – L-Avukat Vince Galea għan-nom tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat jinnota kif il-klijent tiegħu talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġi mitkellem u jagħti l-verżjoni tiegħu. Iżda kif ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Borg, intqal li l-Pulizija ddeċidew li ma jibgħatux għal Dr Muscat, waqt li lanqas biss kien investigat.
14:36 – Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet li l-eks Spettur Anthony Scerri jiġi mħarrek fis-seduta li jmiss.
14:35 – L-Avukat Franco Debono saħaqli l-klijenti tiegħu ma ġewx mitkellma tul din l-inkjesta u jgħid li b’hekk inkiser id-dritt tagħhom.
14:33 – L-Avukati Difensuri jitolbu li jkun hemm il-kontro-eżami tal-eks Spettur Anthony Scerri, li kien xehed fl-ewwel seduta.
14:32 – Tintemm ix-xhieda tal-Ispettur Wayne Borg, li damet għal ftit aktar minn siegħa.
14:29 – Mistoqsi minn għamel l-investigazzjoni, l-Ispettur isemmi l-Maġistrat u ħadd mill-Korp tal-Pulizija.
Mistoqsi jekk hux l-inkjesta saret mill-Maġistrat Vella, jgħid li dan joħroġ mill-inkjesta Maġisterjali.
14:21 – Qal li l-inkjesta tal-Maġistrat Vella ma tgħidx li l-Pulizija għandha tinvestiga. Jerġa’ jsostni l-Pulizija ma kelliex viżibilita tas-78 kaxxa ta’ evidenza li ħarġu mill-Inkjesta Vella.
14:16 – Staqsa wkoll dwar x’għamel Dr Muscat wara l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella. Qal li Joseph Muscat talab lill-Kummissarju biex jibgħat għalih għax-xhieda tiegħu, iżda ma bagħtux għalih – b’deċiżjoni tal-Korp tal-Pulizija. Dan minħabba li l-Pulizija m’għamlet l-ebda investigazzjoni dwar l-eks Prim Ministru u striħat biss fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
14:14 – Dr Galea għan-nom tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat staqsa jekk joħroġx xi ħaġa dwar l-eks Prim Ministru, jgħid li ma ħareġ xejn. Dan hekk kif ma saret l-ebda investigazzjoni mill-Pulizija dwar l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
14:12 – Mistoqsi mill-ġdid, l-Ispettur Borg jgħid li fost oħrajn dan sar mill-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali.
14:10 – Mistoqsi dwar id-deċiżjoni dwar dan il-każ sar b’kollettiv mill-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u sar mill-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
14:07 – Fix-xhieda l-Ispettur Borg jgħid li l-akkużi saru b’deċiżjoni bejn il-Pulizija u l-Avukati fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
14:06 – L-Avukati difensuri tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat staqsew kif waslu għall-ammont ta’ ffrizar ta’ flus ħarġu mill-konkuzjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
14:03 – Mistoqsi minn Dr Vince Galea min ħa d-deċiżjoni biex ma jsirux investigazzjonijiet wara t-tlestija tal-Inkjesta Gabriella Vella, semma li fost oħrajn din id-deċiżjoni ttieħdet fost oħrajn mill-Kummissjarju tal-Pulizija.
14:02 – L-Ispettur Borg jikkonferma li ma saret l-ebda investigazzjoni mill-Pulizija dwar l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
13:56 – L-Ispettur Borg issa qed ikun mistoqsi mill-Avukat Veronique Dalli. Intqal li meta nbdiet l-inkjesta tal-Maġistrat Vella, kollox sar mill-esperti u l-Pulizija ma kinitx involuta. Intqal li l-Pulizija ma kelliex viżibilita dwar dak li kien qed jiġri mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
13:55 – Jistaqsi għaliex l-akkużati ma ġewx insejħa. Isostni għal darba oħra, li l-Pulizija qagħdu biss fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
13:53 – Mistoqsi mill-Avukat Edward Gatt, l-Ispettur Borg jgħid li din kienet l-ewwel inkjesta li kien involut fiha.
13:52 – “Il-Pulizija ma investigatx” – jerġa’ jsostni li l-Ispettur.
13:50 – L-Ispettur jgħid li nesa meta qara l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella. Hawnhekk l-Ispettur Borg sostna u reġa’ rripeta li l-Pulizija qagħdet biss fuq il-konkluzjonijiet tal-inkjesta.
13:48 – L-Avukat De Marco ssaqsi dwar l-ordni ta’ ffirzar, iżda ġiet imwaqqfa hekk kif l-ordni ta’ ffrizar ingħata fl-aħħar seduta.
13:47 – “Ara f’liema stat wasalna”, tiddikjara b’mod ċar l-Avukat Gianella De Marco. Tiġi mwaqqfa mill-Maġistrat Rachel Montebello.
13:46 – L-Avukat Gianella De Marco ssaqsi jekk huwa investigax il-Bank of Valletta u jwieġeb li ma saritx investigazzjoni.
13:42 – L-Avukat De Marco nnotat li l-Ispettur għamel “bħal papagall” mill-konkluzjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
13:41 – Il-Maġistrat staqsiet lill-Ispettur jekk kienx involut fil-kitba tal-akkużi u jgħid li kien involut.
13:39 – L-Avukat Gianella De Marco staqsiet lill-Ispettur x’ra eżatt mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella. Intqal li ra min xehed u mhux x’qalu eżatt dawn ix-xhieda fl-inkjesta Vella.
13:34 – L-Avukat Franco Debono jaqra biċċa mil-liġi, li fejn ikollu dubju dwar inkjesta, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkellem lill-Avukat Ġenerali. Staqsa jekk dan x’sarx? L-Ispettur qal li huma qagħdu biss fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
13:30 – Meta mistoqsi dwar l-evidenza, huwa reġa’ semma l-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali u ntqal li l-Pulizija ma kelliex f’idejha t-78 kaxxa ta’ provi.
L-Ispettur Borg jgħid li l-Pulizija misset ma’ dawn il-kaxxi bl-evidenza fil-ġarr tagħhom mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għall-Qorti.
13:28 – L-Ispettur Borg jgħid għal darba oħra li l-Pulizija m’għamlet l-ebda investigazzjoni u straħet biss fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
13:27 – Mistoqsi min kiteb l-akkużi, intqal li dawn inkitbu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u hu kemm iffirma għal dawn l-akkużi.
13:25 – L-Ispettur Borg sostna li t-78 kaxxa tal-provi qatt ma ħarsu lejnhom bħala uffiċjali tal-Pulizija.
13:22 – Jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Wayne Borg. Mistoqsi mill-Avukati difensuri jgħid li hu qatt ma investiga u l-Pulizija striħat fuq l-inkjesta. Isemmi li huma ħarsu lejn il-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
13:21 – Il-Maġistrat Montebello talbet uffiċjal Prosekutur sabiex jitla’ jixhed.
13:18 – Il-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet l-ewwel talba tad-difiza, hekk kif l-akkużi ħarġu mill-qari tal-akkużi. Dan meta l-Prosekuzzjoni fl-ewwel seduta damet għal siegħa taqra dwar l-akkużi. Madankollu, il-Maġistrat Montebello laqgħet it-talba biex tisma x-xhieda tal-uffiċjal tal-Pulizija biex jixhed dwar l-investigazzjonijiet li saru dwar l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
13:16 – L-Avukat Charles Mercieca qed jirribatti l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni dwar it-talba.
13:14 – Il-Prosekuzzjoni qalet li ma taqbilx mat-talba tad-difiża, għaliex mhumiex il-mument opportun.
13:11 – L-Avukat Franco Debono għan-nom tal-maġġoranza tal-avukati difensuri talbu li f’każ li ma tiġix milqugħa t-talba preċedenti, jiġifieri dik li jitressaq sabiex jixhed għad-difiża, uffiċjal tal-Pulizija dwar l-investigazzjoni li saret f’din l-inkjesta.
13:08 – Dr Franco Debono qal li se jagħmel talba konnessa ma’ dik li għamel Dr Stefano Filetti.
Hawnhekk il-Maġistrat Montebello sostniet li hi kienet avżat lid-difiża li qabel issospendiet biex jagħmlu t-talbiet tagħhom. Iżda tat permess lill-Avukati Filetti u Debono biex jagħmlu l-aħħar talbiet tagħhom għal din is-seduta. Hawnhekk il-Maġistrat Montebello fakkret lil dawk preżenti biex ikunu konċiżi fit-talbiet, biex is-seduta ma ddumx daqs l-ewwel waħda, meta dakinhar is-seduta damet sa wara t-8:30pm.
13:07 – Fis-sottomissjonijiet tiegħu, l-Avukat Filetti sostna li d-difiża għandha d-dritt li tagħmel il-mistoqsijiet tagħha.
13:01 – Il-Maġistrat Rachel Montebello sostniet kif qabel issospendiet staqsiet jekk hemmx aktar talbiet, bl-Avukat Filetti sostna kif din it-talba ġiet wara d-deċiżjoni tal-Maġistrat.
13:00 – L-avukati difensuri kollha, permezz tal-Avukat Stefano Filetti, talbu biex jixhed l-uffiċjal investigattiv sabiex jikkonferma r-rapport tal-investigazzjoni skont il-liġi.
12:59 – Il-Prosekuzzjoni wieġbet li dan jinsab fl-inkjesta Maġisterjali tal-Maġistrat Gabriella Vella.
12:58 – L-Avukat Stefano Filetti talab f’liema stadju l-Prosekuzzjoni se tressaq l-Ispettur f’dan il-każ biex jixhed.
12:54 – Fid-digriet, il-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba tad-difiża, hekk kif qalet li f’dan l-istadju, il-Qorti trid tippreserva l-evidenza kollha. Hawnhekk il-Maġistrat ikkonfermat l-esperti mqabbda mill-Maġistrat Gabriella Vella.
12:50 – Wara kważi siegħa, tidħol mill-ġdid fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello.
12:17 – Is-seduta għadha sospiza, bil-Maġistrat Rachel Montebello bħalissa qed tieħu żewġ deċiżjonijiet. Waħda dwar l-esperti fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella u d-deċiżjoni l-oħra fejn qed tiddeċiedi sabiex id-difiza jkollha l-provi kollha għandha.
12:02 – F’din is-seduta bħal dik tat-28 ta’ Mejju hawn bosta avukati preżenti f’Awla 22.
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qed ikun assistit mill-avukati Vince Galea, Charlon Gouder, Ishmael Psaila, Luke Dalli, Etienne Borg Ferranti u Dominic Micallef. Konrad Mizzi u Keith Schembri huma assistiti minn Edward Gatt u Mark Vassallo.
David J Meli u Jonathan Vella huma assistiti minn Gianella De Marco u Charles Mercieca. Christopher Spiteri qed ikun rapprezentat minn Jason Grima. Dan filwaqt li Pierre Sladden u numru ta’ kumpaniji qed ikunu assistiti minn Arthur Azzopardi.
Avukati oħra li hawn fl-awla llum huma Veronique Dalli, Rachel Powell u Franco Debono.
Dan filwaqt li l-Prosekuzzjoni hi magħmula mill-Avukati Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aqulina. Dawn flimkien mas-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Borg.
11:55 – Il-Maġistrat Montebello tissospendi s-seduta biex tiddeċiedi dwar id-digriet. Issaqsi wkoll lill-avukati difensuri sabiex tara jekk għandhomx xi talbiet oħra, biex tieħu d-deċiżjonijiet darba f’din is-seduta u mhux terġa’ tissospendi mill-ġdid is-seduta.
11:54 – Il-Maġistrat Rachel Montebello tgħid li se tieħu digriet dwar dan il-punt.
11:53 – Hawnhekk l-Avukati difensuri kollha f’daqqa talbu biex kulħadd ikollu f’idejh kopja tal-inkjesta u l-provi b’mod immedjat.
11:52 – Ix-xhieda tippreżenta d-dokumenti meħtieġa. Wara l-Maġistrat staqsiet jekk hemmx xi talbiet oħra.
11:49 – Fil-Qorti tidħol l-ewwel xhieda, rappreżentanta tal-Bank of Valletta. Hi qalet li ġiet mitluba li tippreżenta statement ta’ Mario Victor Gatt, wieħed mill-akkużati.
11:45 – Intqal li l-esperti barranin poġġew lill-akkużati bħala ħatja u dan jista’ jsir biss mill-Qorti. Dr Filetti semma kif hu qed jitkellem dwar il-konkluzjonijiet kif ħarġu mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
11:44 – L-Avukat Stefano Filetti qal li tiddetermina x’inhu r-reat il-Qorti u mhux l-esperti.
11:42 – Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba tad-difiza. Intqal li l-Maġistrat Vella stess kienet iddeterminat liem reati għandhom jiġu akkużati bihom l-imputati u sostna li qed isir attakk fuq l-esperti.
11:36 – Hawnhekk l-Avukat Stefano Filetti qed jagħmel it-talba uffiċjali tiegħu, fejn jgħid li dawn l-esperti għandhom jitħassru mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella, hekk kif jidher li għandhomx għarfien dwar il-liġi Maltija. F’din it-talba daħlu wkoll avukati oħrajn, fosthom dawk tal-kumpaniji akkużati parti mill-Maġistrat Vella.
11:33 – L-Avukati Franco Debono jgħid li qed jingħataw il-provi ftit ftit.
11:32 – Il-Maġistrat Montebello tgħid li l-akkużati għandhom ikollhom l-aċċess tal-kopji tal-evidenza, li bħalissa qed jiġu skenjati. Dan kif diġa ngħata digriet fis-seduta li għaddiet, fit-28 ta’ Mejju li għadda.
11:31 – Dr Franco Debono talab sabiex ikun ikollhom kopja tar-rapport tal-inkjesta Vella u wara li jkollhom dan ir-rapport, ikunu jistgħu jagħmlu din it-talba wkoll eventwalment.
11:27 – Wieħed mill-avukati difensuri Dr Stefano Filetti qed isemmi l-lista twila ta’ esperti barranin, li fihom id-difiża m’għandhiex fiduċja fihom. Hawnhekk intalbet li jkun hemm digriet seperat dwar kull wieħed minn dawn l-esperti, li huma parti mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
11:25 – L-avukati difensuri bdew jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjoni fil-konfront tal-esperti kollha li kienu parti mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella.
11:22 – Il-Maġistrat tgħid li s-seduta tal-lum ma tistax iddum aktar mit-tlieta ta’ waranofsinhar.
11:19 – Tidħol fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello u tibda s-seduta tal-lum.
11:16 – Fil-binja tal-Qorti wieħed jista’ jinnota s-sigurtà li hawn, kemm bil-prezenza ta’ uffiċjali tal-Qorti u anki uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija. Is-sitwazzjoni kemm fl-awla tal-Qorti u anki barra hi waħda kalma.
11:05 – Fl-awla hawn il-prezenza ta’ bosta avukati u kif ukoll hawn prezenza kbira ta’ ġurnalisti.
10:54 – Ta’ min ifakkar li fl-aħħar tal-ewwel seduta li saret, fit-28 ta’ Mejju li għadda, l-avukati diferensuri għamlu talba sabiex joġġezzjonaw għall-esperti kollha li kienu parti mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
10:51 – Ninsabu f’awla 22 fil-Qorti, fejn se jkompli jinstema l-każ b’rabta mal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Dawn il-proċeduri se jitkomplew quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Din tal-lum hi t-tieni seduta ta’ dan il-każ. Dan wara li fl-aħħar ta’ April li għadda, fil-jum tal-bidu tan-nominazzjonijiet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-Sibt li għadda, l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella għaddiet għand l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.