Hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ ħames Maltin akkużati bl-aggresssjoni fil-Ħamrun, fil-Qorti ntwera l-filmat mill-bodycam tal-Kuntistabbli Clive Mallia.
Dakinhar tal-21 ta’ Settembru, iż-żewġ Kuntistabbli l-istess Mallia u Aidan Demicoli kienu qed jagħtu kontravenzjoni lil vettura fi Triq il-Kbira San Ġużepp minħabba parkeġġ ħażin.
Jirriżulta li kien hawn li wieħed mill-akkużati, Kurt Borg, ħareġ minn ħanut għal fejn kienet il-karozza, b’xi ħadd mill-akkużati wkoll jinstema’ jgħid il-kliem lill-Pulizija “Jimporta tkellimni ta’ nies?!”.
L-istess filmat, imbagħad, wera lil wieħed mill-imputati jiftaħ il-bagoll fejn qal lill-Pulizija biex jieħdu r-ritratti tal-karozzi. Wara l-Kuntistabbli Clive Mallia qal “kemm int avukat tajjeb”, waqt li uża kelma oxxena.
Minn hawn, imbagħad, qamet l-ewwel aggressjoni, li wasslet biex iż-żewġ kuntistabbli weġġgħu ħafif u gravi, rispettivament.
Bid-difiża sostniet li bil-filmat tal-bodycam li ħareġ fil-Qorti juri b’ċar li l-aħwa Borg ġew ipprovokati minn Pulizija, li sejħitilhom bħala arroganti.
F’din l-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni xehdu ż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija nfushom.
Fil-Qorti, fost oħrajn, inħarġet chat ta’ Clive Mallia, wara l-inċident, fejn qal li jiddispjaċih li uża t-taser fuq wieħed mill-akkużati, b’referenza għal Redimen Aquilina.
Fix-xhieda kien hemm fatti konflinġenti dwar jekk Mallia kellux ir-radju, b’Mallia nnifsu jgħid li dan kien bla batterija, waqt li, skont xhieda oħra dik tal-Ispettur Elisa Scicluna, dan lanqas kien fuqu.
Fl-aħħar tas-seduta xehed il-Kuntistabbli Demicoli, li ta x-xhieda tiegħu, waqt li l-kontroeżami tiegħu se jsir fis-seduta li jmiss ta’ nhar il-Ħamis li ġej.
SEĠWI PASS PASS X’ĠARA F’AWLA 11
19:20 – Is-seduta għal-lum intemmet u se tkompli nhar il-Ħamis li ġej fl-10am. L-Avukati tad-Difiża qalet li jixtiequ jitolbu għall-ħelsien mill-arrest, iżda apprezzaw l-isforz tal-Qorti li baqgħet għaddejja sa dan il-ħin.
19:19 – Tintemm ix-xhieda għal-lum tal-kuntistabbli Aidan Demicoli.
19:11 – Mistoqsi dwar il-bodycam tiegħu qal li din intilfet waqt l-aggressjoni. Meta mistoqsi, huwa qal li spara darba t-taser fil-kommessjoni u ntqal li spara lejn Kurt Borg.
Meta mistoqsi jekk kellhomx ir-radio, intqal li hu ma kellux radio. Intqal li l-bodycam tiegħu fil-kommossjoni waqgħet darbtejn u din intilfet.
18:58 – Irrakonta kif waqt ronda bil-pass innotaw karozzi li kienu pparkjati ħażin. Intqal li waqt li bdew jagħtu l-kontravenzjoni, ħareġ Kurt Borg mill-ħanut Strada Rjali u jgħid li ħa jneħħiha. Xehed li l-kollega tiegħu, jiġifieri Clive Mallia qallu “kellna niġu aħna biex tneħħiha”.
Spjega kif meta ħa l-liċenzja, Kurt Borg ħadha b’ċertu saħħa u sostna li nfetaħ il-bagoll tal-karozza. Huwa qal li ferraq lil Borg minn mal-kollega u wara qalha daqqa ta’ ponn f’idejh minn Elton Borg.
Qal li f’mument ieħor, fil-ħin tal-kommossjoni, uża t-taser, iżda dan ma ħax. Intqal li f’dan il-mument hu qala’ daqqiet ta’ ponn ġo rasu minn Elton u Kurt Borg, waqt li Christian Mansueto tah daqqa ta’ ponn ġo mnieħru.
Wara ħareġ il-pepper spray u wissihom, flok ressqu lura, huma ressqu ’l quddiem. Intqal li wara qala’ daqqa ta’ ponn fuq wara ta’ rasu minn Christian Mansueto u qal li wara hu nieżlu warajh. Waqt li kien fuq Mansueto, ħass lil xi ħadd jaqbdu u wara pprova jtih daqqa ta’ ponn iżda ma laqtux.
Intqal li wara mar raġel xwejjaħ li bdew jigdem il-ponn u l-kuntistabbli Mallia waqqfu. Ftit wara qala’ daqqa ta’ ponn oħra f’rasu.
Imbagħad ra li hemmhekk ġew l-uffiċjali tal-Pulizija sabiex jgħinuhom. Intqal li wara, flimkien mal-kuntistabbli, waslu lil Erika Borg fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa. Wara marru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana u ġew riferuti lejn l-ENT fl-Isptar Mater Dei. Wara li ħareġ mill-isptar hu mar jagħti l-istatements tiegħu lill-Pulizija fl-Għassa tal-Ħamrun.
18:57 – Jitla fuq il-pedana tax-xhieda l-kuntistabbli Aidan Demicoli.
18:56 – Terġa’ tidħol fl-awla l-Maġistrat Monica Vella u tkompli s-seduta.
18:50 – Il-Qorti waqgħet għal ftit minuti, il-Maġistrat Monica Vella toħroġ ’il barra mill-awla.
18:47 – L-avukat tad-difiża qalu x’garanzija hemm li x-xhud li jmiss mhux se jara r-rapporti fil-midja sa nhar il-Ħamis li ġej.
18:42 – Il-Maġistrat Monica Vella talbet biex il-kawża għadha tiġi diferrita u tkompli nhar il-Ħamis li ġej.
Hawnhekk id-difiża sostniet li din tista’ tippreġudika l-każ, hekk kif għad baqa’ x-xhieda tal-Pulizija l-ieħor.
Intalab biex forsi jkun hemm xhieda tal-kuntistabbli l-ieħor u ma jkunx hemm kontroeżami mill-avukati u jsir fis-seduta li jmiss.
18:40 – Titlesta x-xhieda tal-kuntistabbli Clive Mallia u joħroġ ’il barra mill-awla.
18:37 – Mistoqsi jekk ir-radio kienx miegħu, wieġeb fil-pożittiv u mbagħad qal li dan kien bla batterija.
Hawnhekk l-avukati nnotaw kif fix-xhieda mill-Ispettur Elisa Scicluna, aktar qabel, intqal li Mallia ma kellux fuqu r-radio.
18:26 – L-Avukat Mark Mifsud sostna l-xhud ġie fil-Qorti biex iqarraq il-fatti u jiġbed is-simpatija tal-poplu. Innota li bil-kliem li qal li “meta jinħaraq sieħbi, ninħaraq jien”, huma affarijiet li jintqalu fil-kriminal u mhux minn uffiċjal tal-Pulizija.
18:14 – Wara aktar mistoqsijiet mill-avukati difensuri, Mallia qal li hu beda jirrepeta dak li bdew jgħidu l-imputati.
18:11 – L-Avukat Franco Debono nnota kif Mallia kien qed jinkihom, anki kif instema fil-filmat tal-bodycam tiegħu. B’Mallia jiċħad li għamel dan.
18:04 – Intqal li hu ħass li qed jiġi pprovokat u qed jindaħħlu f’xogħolhom.
17:57 – Jerġa’ mill-ġdid jidħol fl-awla, il-kuntistabbli Clive Mallia biex ikompli x-xhieda tiegħu.
17:50 – Hawnhekk id-difiża talbet biex tkun sospiża b’mod temporanju x-xhieda, biex tagħmel it-talba tagħha. Bix-xhud joħroġ mill-awla, hekk kif ix-xhieda waqfet b’mod temporanju.
Id-difiża talbet li xhud ordinarju għandu jixhed dwar dak li jkun ra, semgħa jew ħass bis-sensi tiegħu u l-interpretazzjoni tiegħu m’għandiex tkun parti mix-xhieda tiegħu. Il-parte civili flimkien mal-Prosekuzzjoni ma qablitx ma’ din it-talba.
17:38 – Il-kuntistabbli Mallia kkonferma li kien hu li qal “kemm int avukat tajjeb o****.” Intqal li hu qal hekk kif Kurt Borg beda jgħidlu biex niftaħlu l-bagoll biex jieħu r-ritratti tal-karozza minn ġewwa. Mallia qal li ħass li kienet intimidazzjoni min-naħa ta’ Borg.
17:21 – Tintwera biċċa oħra mill-filmat tal-bodycam. Meta għal-liċenzja tas-sewqan, Kurt Borg obda u beda jfittex id-dokument tiegħu. Bil-kollega ta’ Mallia rringrazzjah talli tah id-dokument.
Fil-mument mar Elton Borg u staqsa x’ġara. Hawnhekk spjega li tah il-liċenzja u s-sitwazzjoni kienet kalma.
Debono staqsa x’kien hemm ħażin f’dak il-mument u Mallia kompla jisħaq li Borg ipprogetta ruħu bħala arroganti.
Qal li meta tah lura l-liċenzja, ħataffielu.
17:15 – Mix-xhieda ta’ Mallia ħareġ li Kurt Borg, is-sid tal-karozza, mar minn jeddu ħdejn il-Pulizija biex imexxi l-karozza.
17:04 – L-Avukat Franco Debono qara l-istatement li ta l-kuntistabbli ieħor, fejn wieħed mill-akkużati qal li ħa jneħħi l-karozzi u Mallia qal li “kellek għalfejn tara lilna biex inneħħi.” Mallia qal li t-ton ta’ wieħed mill-imputat kien wieħed arroganti.
17:02 – Intqal li qed jerġa’ jiftakar fl-affarijiet hekk kif ra l-filmat tal-bodycam, qal li f’moħħu għadu jiftakar il-kommossjoni.
16:58 – Tkompli x-xhieda tal-kuntistabbli Mallia. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella fakkret lix-xhieda biex jgħid il-verita kollha.
16:53 – Intalbet kif il-Qorti għandha tuża l-għoddod kollha biex toħroġ il-verita. Intqal kif dan il-każ seħħ biss ġimgħatejn ilu biss u mhux snin ilu.
16:45 – L-avukat tad-difiża, li għalihom qed jitkellem Dr Franco Debono qal li x-xhud qiegħed jaħbi u jaf x’għamel. Intqal li hawn ġie mistoqsi dwar id-dettall kruċjali, hekk kif kien f’dan il-mument li bdiet din l-aggressjoni.
16:31 – Beda jintwera l-filmat mill-bodycam tiegħu, fejn ħareġ li l-ewwel beda jisspezzjona l-karozza, li kienet ipparkjata parti minnha fuq double yellow line. Fil-bidu tal-filmat, wieħed mill-akkużati jinstema jgħid lil Mallia: “jimporta tkellimni ta’ nies”. Jgħid kif b’kelma b’kelma ma jiftakarx il-kliem li qal qabel.
L-avukati staqsew jiftakar x’qal u anki l-Maġistrat Monica Vella, iżda qal li ma jiftakarx. Intqal li hawn ipproġetta lilu nnifsu bħala awtorita għaliex l-akkużat tkellem b’ton arroganti. Ġiet sospiza b’mod temporanju x-xhieda, hekk kif id-difiza riedet tagħmel it-talba tagħha.
16:00 – Clive Mallia qal li qed jiddispjaċih li wieħed mill-akkużati, Redimen Aquilina ntlaqat tant li wieħed mill-avukati difensur fil-Qorti wera chat privata, fejn Mallia sostna li “dak intlaqat bit-taser bi żball.” Mallia kkonferma li bagħat lil xi ħadd hekk u fl-istess konversazzjoni staqsa kif baqa’ Aquilina. Xehed li l-intenzjoni ta’ Redimen Aquilina kienet li jferraq il-ġlieda.
Intqal li hu kellu arma tan-nar, waqt li l-kollega tiegħu kellu fuqu t-taser.
Qal li t-taser ġie sparat mill-kollega tiegħu, meta kien mal-art fl-ewwel darba li waqa’.
15:57 – Jibda l-kontroeżami. Intqal li t-taser gun ma kienx fuqu u kien għand il-kollega tiegħu.
15:53 – Intqal li Kurt Borg, Elton Borg, Erika Borg u Redimen Aquilina kollha b’xi mod jew ieħor ħebbew għalih.
15:50 – Fix-xhieda tiegħu, Mallia xehed li Kurt Borg qallu “issa nqegħdek lillek”.
15:41 – Intqal li l-kollega tiegħu kien imdawwar minn Kurt Borg u Christian Mansueto, u mar biex iferraq. Hemmhekk Mallia twaqqa’ u reġa’ qam.
Intqal li kien hemm ġuvnott u tah il-lembuba li waqqgħet lill-kollega tiegħu. Huwa fetaħha u għolla idu, iżda qal li hemmhekk huwa ma sawwat lil ħadd.
Fix-xhieda, Mallia xehed li Kurt Borg lill-kollega tiegħu offendih b’ommu.
Qal li jiftakar lil wieħed mill-imputati jitfa l-ħalib fuq għajnejh minħabba l-pepper spray u jiftakar ukoll x’ħin waslu l-kollegi tiegħu. Intqal li kien hu li arresta lill-imputata Erika Borg u ntqal li fil-bidu hi bdiet tirreżisti l-arrest. Meta kien qed imexxiha għall-karozza, Erika Borg qaltlu “jien naf nimxi, miniex inkapaċitata bħalhekk.”
Mallia qal li huma waslu lil Erika Borg fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa.
Intqal li hu u l-kollega ttieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana u wara l-Isptar Mater Dei.
15:39 – Issa mill-ġdid kompliet ix-xhieda tal-kuntistabbli Clive Mallia.
15:38 – Titlesta x-xhieda ta’ Dr Jean Claude Grech.
15:31 – Intqal kif iż-żewġ vittmi ttieħdu fis-sala tal-ENT, fejn saru bosta testijiet f’bosta partijiet ta’ ġisimhom. B’Demicoli kellu xi ksur żgħir u ma kienx hemm bżonn ta’ operazzjoni.
15:26 – Jitla’ jixhed issa Dr Jean Claude Grech. Huwa kkonferma ċ-ċertifikati u qal li l-vittmi ma kellhomx ksur.
15:25 – Titlesta x-xhieda ta’ Dr Maria Borg.
15:19 – Titla’ fuq il-pedana tax-xhieda, Dr Maria Borg, li kkonfermat iċ-ċertifikati taż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija, dakinhar tal-inċident. Intqal li l-uffiċjal Clive Mallia weġġa’ ħafif u kellu ħmura u grief f’għonqu u dahru, fost oħrajn. Dan filwaqt li Aidan Demicoli weġġa’ gravi, fejn kellu bosta girfiet u ħmura f’bosta partijiet ta’ ġismu. Dan tal-aħħar iddaħħal fis-sala tal-ENT, kawża ta’ xokk.
15:18 – Ix-xhieda tal-kuntistabbli sospiża temporanjament.
15:14 – F’nofs ix-xhieda, il-kuntistabbli Clive Mallia jgħid li mhux iħossu tajjeb u jpoġġuh bilqegħda.
15:08 – Xehed li Erika Borg qaltlu li: “jekk jiġrili xi ħaġa ħa nieħu n-numru tiegħek u żżommok responsabbli.” Wara biex ikompli jgħin lill-kollega, kien kostrett juża l-pepper spray.
15:06 – Xehed li persuna waqgħet il-bodycam tiegħu u ġabarha mal-ewwel.
14:52 – Hawnhekk semma kif hu qal “kemm int avukat tajjeb, o****” u tenna li fl-ebda ħin ma ried juża kliem dispreġġjattiv. Hu qal dan biex juri l-awtorita mal-imputati.
Intqal li meta kien se jagħti l-liċenzja lura lil Borg u ħatafha minn idejh.
Xehed li meta ġie biex jieħu ritratt tal-karozza li kienet ipparkjata ħażin, Elton Borg messu fuq spaltu u wara riefsu.
Intqal li fuq il-post mar ukoll Redemen Aquilina, li mar biex jikkalma s-sitwazzjoni. Intqal kif Kurt kien qed iżomm id il-kollega tiegħu u mbuttah mal-art u kien hemm numru ta’ persuni li bdew iżommuh.
Qal li wara hu kompla jassisti lill-kollega tiegħu, u ħass daqqa fuq wara ta’ rasu u qal li meta dar sab lil Redemen Aquilina.
Intqal li ħin minnhom, persuna qabditu minn għonqu u reġa’ ġie aggrediet.
Ix-xhud qal li f’dak il-ħin, il-prijorita assoluta tiegħu kienet is-saħħa u s-sigurta tal-kollega tiegħu. Wara l-kollega tiegħu uża l-pepper spray.
Xi ħadd minnhom xi ħadd mill-imputati qalhom “intom imġienen, intom għadkom infurmati”.
14:48 – Id-difiża għamlet talba sabiex il-Qorti twissi lix-xhieda ta’ ġurament falz. Bil-Maġistrat Monica Vella wissiet lix-xhieda li jekk ikun hemm xhieda falza, ikun hemm il-konsegwenzi.
14:42 – Mallia qal li nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru għall-ħabta tat-8:25pm kienu waqt ronda fi Triq il-Kbira San Ġużepp ġew innotati karozzi li ma kinux ipparkjati sew. X’ħin bdew jagħtu l-kontravenzjoni, mar fuq il-post Kurt Borg u ntqal li kellu atteġġjament arroganti.
Intqal li fuq post kien hemm ħuħ, Elton Borg, u hemmhekk intqal li huma bdew jindaħħlu dwar kif bdew jaħdmu huma.
Fix-xhieda ntqal ukoll li Elton Borg fetaħ minn jeddu l-bagoll, u hemmhekk kien hemm l-għajjat.
14:40 – Jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda issa l-Kuntistabbli Clive Mallia. Il-Maġistrat Vella wissiet lill-kuntistabbli li għandu dritt ma jweġibx xi mistoqsijiet li bihom jista’ jinkrimina ruħu.
14:18 – Tintemm ix-xhieda tal-Ispettur Elisa Scicluna.
14:11 – Wieħed mill-avukati jsaqsi fejn hu l-filmat tal-bodycam tal-uffiċjal Aidan Demicoli, intqal li din hi mitlufa wara li waqgħet waqt il-kommossjoni. L-Ispettur Scicluna spjegat li diment il-bodycam tiddaħħalx l-għassa tal-Pulizija u titqabbad ma’ apparat, il-filmati tal-bodycams ma jkunux issejvati.
Intqal li ż-żewġ uffiċjali ma kellhomx ir-radio fuqhom tal-Pulizija, fil-ħin tal-kommossjoni. Ingħad mill-ispettur li suppost iż-żewġ uffiċjali kellhom fuqhom ir-radio.
13:43 – Dwar dan li qed jitqal mid-difiża, l-ispettur qalet li l-Pulizija ma rċiviet l-ebda rapport.
13:39 – Intqal li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma jirriżiltax li l-anzjan ġie milqut mit-taser gun.
13:34 – Id-difiża staqsiet jekk dan l-aġir, li tliet min-nies vulnerabbli spiċċaw mal-art, jekk ġewx investigati. L-Ispettur qalet li l-Pulizija fil-ħin tal-aggressjoni pprovaw jikkontrollaw lin-nies.
13:29 – L-Ispettur ġiet mistoqsija jekk persuni kbar fl-eta u oħra tqila ġewx imwadba mal-art mill-Pulizija, fil-ħin tal-aggressjoni. Intqal li fil-filmat, il-mara dehret mal-art. Fil-filmat dehret anzjana mal-art u persuna oħra li qalet li hi tqila.
Intqal li l-argument ma bdietx minn dawn it-tliet persuni, iżda daħlu fil-kommossjoni.
13:24 – Intqal li wieħed mill-uffiċjali beda jressaq lill-aħwa Borg u l-uffiċjal l-ieħor assistih. L-Avukat Franco Debono staqsiex jekk l-episodju bediex meta l-Pulizija pponta lejn xi ħadd u l-Ispettur wieġbet għal darba, darbtejn: “le”.
13:19 – Intqal kif mill-filmat ħareġ li fil-bidu, Kurt Borg ikkopera mal-Pulizija, hekk kif ta l-liċenzja tal-karozza tiegħu. L-Avukat Debono staqsa jekk l-ewwel kliem oxxen intqalx mill-Pulizija u hawnhekk l-Ispettur Scicluna qablet miegħu.
13:12 – Ikompli l-kontroeżami fix-xhieda tal-Ispettur Elisa Scicluna. Intqal li fl-ewwel biċċa tal-filmat, fejn Kurt Borg jgħid lill-uffiċjal tal-Pulizija “lili kellimni bħan-nies”. Fix-xhieda ntqal li hemm l-ewwel parti mill-konversazzjoni bejn il-Pulizija u Kurt Borg, li ma nstemax id-diskors fil-bodycam.
13:01 – Għaddejjin aktar sottomissjonijiet mill-avukati tad-difiża dwar l-illegalita tal-arrest.
12:52 – Il-Prosekuzzjoni qalet li skont il-liġi hemm rimedju u dak għadda diġa. Intqal li l-arresti ma sarux mill-Pulizija li kellu l-bodycam fuqu. L-Avukat li qed jidher għall-parte civile sostna li l-ebda azzjoni m’għandha tkun segwita minn aggressjoni u swat.
12:48 – Id-difiża għamlet talba sabiex l-arresti tal-ħames imputati hu illegali u hu invalidu. Dan hekk kif fil-filmat tal-bodycam ħareġ li fl-ebda ħin, il-persuni arrestati dehru li ma tawx id-drittijiet u t-twissijiet elenkati fil-kodiċi kriminali.
Id-difiża talbet lill-Qorti wkoll sabiex jekk tħoss li minn dak il-filmat jirriżultat komportament mhux xieraq tal-uffiċjali tal-Pulizija tordna li jsiru investigazzjonijiet opportuni b’referenza għal dak li ħareġ mill-filmat, li ntwera mill-Qorti.
12:41 – Wara li ntwera l-filmat, l-Avukat Franco Debono, għamel is-sottomissjonijiet f’isem l-avukati difensuri, qal li dwar dan il-każ kien hemm kummenti pubbliċi. Id-difiza qalet li bil-filmati li ntwerew, dan l-inċident seħħ wara li l-uffiċjali tal-Pulizija tkellem b’mod baxx u semma li meta wieħed mill-akkużati fetaħ il-bagoll, wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija qal lil wieħed mill-akkużati “kemm int avukat tajjeb, o****.”
12:30 – Fil-Qorti jkompli jintwera l-filmat tal-bodycam tal-aggressjoni.
12:19 – Waqt li ntwera l-filmat tal-bodycam tal-uffiċjal Clive Mallia, l-Avukati talbu li jkun traskrizzjonijiet tal-kliem kollu li ntqal bejn l-uffiċjali tal-Pulizija u l-imputati. Bil-Qorti laqgħet din it-talba.
12:09 – L-Avukati jitolbu li jaraw biċċiet mill-filmat li hemm fuq il-bodycam biex joħroġ x’intqal bejn l-uffiċjali tal-Pulizija u l-imputati.
11:50 – Dwar l-involviment ta’ Redimen Aquilina, l-ispettur qalet li fil-bidu deher li beda jferraq, iżda mbagħad deher li ta daqqa ta’ ponn fir-ras fin-naħa ta’ wara lil wieħed mill-uffiċjali.
11:35 – Fil-filmat tal-bodycam intqal li wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija lil Elton Borg qallu x’ħin fetaħ il-bagoll “kemm int avukat tajjeb”. Intqal li l-uffiċjal tal-Pulizija Aidan Demicoli kellu fuqu arma tan-nar, waqt li t-taser ġie sparat minnu.
11:30 – Issa beda l-kontro-eżami mill-avukati.
11:27 – L-Ispettur qalet li l-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal body cam ta’ wieħed mill-uffiċjali li ma nstabitx. Intqal li mill-filmati li għandha l-Pulizija ħareġ li din il-body cam waqgħet x’ħin kien hemm il-kommossjoni, hekk kif l-uffiċjali kien aggrediet minn Christian Mansueto u nġabret mill-akkużat Kurt Borg. Iżda s’issa din għadha ma nstabitx.
11:25 – Intqal li l-Pulizija elevat ukoll numru ta’ kameras ta’ sigurta mill-ħwienet viċin fejn seħħ il-każ. Iżda dawn ma kienux ta’ għajnuna, hekk kif dawn jinsabu bi ħsara jew ma jaħdmux.
11:21 – Tkompli tixhed l-Ispettur Elisa Scicluna. Intqal li l-għada, 22 ta’ Settembru, l-akkużati ġew interrogati minnha mis-Supretendent Saviour Baldacchino. Kollha kemm huma għażlu li jibqgħu siekta milli jitkellmu, waqt li kollha kienu assistiti mill-avukati rispettivi tagħhom.
11:14 – Ippreżentat ukoll il-flokk imqattgħa ta’ wieħed mill-akkużati u l-Avukati ta’ wieħed mill-imputati talbu biex jitneħħa s-siġill u jkun eżaminat. L-Avukati jilbsu ingwanta, ħarġu l-flokk imqattgħa ta’ wieħed mill-vittma u bdew jarawh. Wara, il-Qorti ordnat biex dan il-basket jerġa’ jissiġġillat.
11:09 – Fl-Awla, l-ispettur Elisa Scicluna ippreżentat numru ta’ basktijiet li fihom hemm il-ħwejjeġ li kienu lebsin l-imputati fil-ħin tal-aggressjoni.
11:03 – Intqal li l-arrest ta’ Christian Manseuto sar aktar tard, minn erba’ uffiċjali tal-Pulzija, mid-dar tiegħu.
10:58 – Intqal li mill-filmat ħareġ li l-akkużat Redimen Aquilina ta daqqa ta’ ponn fuq in-naħa ta’ wara minn wieħed mill-uffiċjali. L-Ispettur kompliet tispjega l-aggressjoni u identifikat il-ħames akkużati.
10:54 – L-Ispettur qalet li bħala parti mill-investigazzjoni rċeviet numru ta’ filmati li ttelgħu minn siti tal-aħbarijiet fuq il-midja soċjali. Intqal li minn dawn il-filmati ġie kkonfermat li mhux kollha kienu nvoluti, hekk kif kien hemm min ipprova jferraq il-ġlieda. Hija ppreżentat il-filmati lill-Qorti.
10:52 – Intqal li Clive Mallia ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif, waqt li l-uffiċjal Aidan Demicoli sofra minn ġrieħi gravi. Huma ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
10:44 – L-Ispettur qalet li tkellmet ma’ uffiċjal tal-Pulizija, fejn intqal li għall-ħabta tat-8:26pm, kienu għaddejjin b’ronda bil-mixi. Kienu se jagħtu kontravenzjoni minħabba parkeġġ li ma kienx sew u ż-żewġ persuni, Elton u Kurt Borg avviċinawhom.
Huma dehru aġitati u kienu arroganti maż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija. Intqal li wieħed mill-akkużati qabad minn idejh lil wieħed mill-uffiċjali u ġew imwissija. Ftit wara, wieħed mill-akkużati rifes lill-uffiċjal. Ġie spjegat li mal-ħin bdew jiżdiedu l-individwi fit-triq fejn seħħet din l-allegata aggressjoni.
In-nies bdew jgħajtu li missier l-aħwa Borg qabdu attakk tal-qalb, imma ma deher fl-ebda ħin ibagħti minn saħħtu u fl-istess ħin ipprova jaggredixxi.
Waqt l-aggressjoni, body cam ta’ uffiċjal minnhom waqgħet u wara ma nstabitx.
Mal-Ispettur, wieħed mill-vittmi qal li kellu jintuża t-taser u l-pepper spray, hekk kif kienu madwar għaxar persuni kontra ż-żewġ uffiċjali.
10:40 – Tibda x-xhieda. L-ewwel li telgħet tixhed fuq il-pedana tax-xhieda hi l-Ispettur Elisa Scicluna qalet li ġiet informata li ġew arrestati tliet persuni wara aggressjoni fuq żewġ uffiċjali tal-Pulizija. Intqal li l-każ seħħ fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun.
Dan filwaqt li żewġ uffiċjali tal-Pulizija ttieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
Intqal kif Elton u Kurt Borg ittieħdu l-Isptar Mater Dei, li ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
10:39 – Il-Prosekuzzjoni ddeċidiet li se tkompli bl-akkużi oriġinali, li ressqet ġimgħatejn ilu.
10:37 – L-Avukati sostnew li dawn il-ħames akkużati qed jitressqu flimkien u jekk se jiżdiedu l-każ irid jerġa’ jibda mill-ġdid.
10:36 – Il-Maġistrat Vella tgħid li l-Prosekuzzjoni trid tagħżel x’se tagħmel.
10:33 – Il-Prosekuzzjoni qalet li se tkun qed iżżid żewġ akkużi fil-konfront ta’ Kurt Borg, wara li kien hemm evalwazzjoni tal-filmati, li huma f’idejn il-Pulizija. B’dawn l-akkużi huma serq u tbagħbis ta’ evidenza. Bl-Avukati sostnew li l-akkużi għandhom jinqraw mill-ġdid.
10:30 – L-Avukati tad-Difiza qalu li għandhom fiduċja sħiħa u rispett totali lejn il-Maġistrat, hekk kif ir-raġel tagħha huwa membru fil-Korp tal-Pulizija.
10:21 – Jibdew jiddaħħlu fl-awla l-akkużati. Fl-awla hawn ukoll numru ta’ Uffiċċjali Korrettivi mill-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.
10:17 – Fl-awla hawn numru mdaqqas ta’ familjari, flimkien ma’ Avukati u l-Prosekuzzjoni.
10:03 – Ninsabu f’Awla 11, fejn minn hawn u ftit tal-ħin ieħor, il-ħames akkużati mistennija jitressqu quddiem il-Maġistrat Monica Vella.
AKTAR QABEL:
Għall-ħabta tal-10am, se tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ ħames Maltin b’rabta mal-aggressjoni fuq żewġ Pulizija fil-Ħamrun.
Il-każ seħħ is-Sibt 21 ta’ Settembru li għadda, l-imputati ġew arrestati u tressqu l-Qorti jumejn wara, fejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
L-akkużati huma: Erika Borg ta’ 42 mill-Imsida, żewġha Elton Borg ta’ 46 sena mill-Imsida, ħuh Kurt Borg ta’ 44 sena minn Ħal Qormi, Redimen Aquilina ta’ 23 sena mill-Ħamrun u Christian Mansueto ta’ 33 sena mis-Siġġiewi.
Il-ħames Maltin se jitressqu quddiem il-Maġistrat Monica Vella.