Wara li l-Ministeru ħabbar id-dettalji dwar kif se jiġi introdott gradwalment it-trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel, qed joħroġ aġġornament ieħor.
Wara li l-Ministeru għalaq in-negozjati u ntlaħaq ftehim ma’ 8 operaturi tat-trasport għall-istudenti tal-iskejjel tal-Istat, il-Ministeru – wara li rċieva l-applikazzjonijiet mingħand il-ġenituri – ippjana u qassam ukoll ir-rotot kollha. Din is-sena żdiedu r-rotot u żdiedu t-tfal u l-istudenti li se jagħmlu użu minn dan is-servizz.
Din is-sena se jinġarru naqra aktar minn 1,500 student aktar mit-12,500 li nġarru s-sena li għaddiet. Dan ifisser ukoll żieda ta’ vetturi meħtieġa biex tinġarr iż-żieda ta’ studenti li jattendu l-iskejjel tal-Istat. Sat-Tlieta 18 ta’ Settembru, madwar 14,000 ġenitur ġew notifikati bid-dettalji b’rabta mat-trasport għall-iskola inklużi minn fejn se jinġabru uliedhom u l-kundizzjonijiet li bihom huma marbutin l-operaturi tat-trasport.
Fis-settur mhux Statali, il-Ministeru jinforma li waqt li l-loġistika tat-trasport għall-iskejjel tal-Knisja u indipendenti qatt ma kienet fir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol (bil-ġenituri jfittxu u jagħmlu l-arranġamenti direttament mal-operaturi jew mal-organizzaturi) u hekk inżammet, il-Ministeru xorta waħda qed jara kif jistgħu jinqdew kemm jista’ jkun ġenituri li minħabba li d-domanda għat-trasport b’xejn tidher li żdiedet sew mis-sena li għaddiet, għal raġunijiet differenti għadhom ma nqdewx.
Il-Ministeru nieda website dedikata għat-trasport b’xejn (schooltransport.edu.mt) li tinkludi tagħrif kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-operaturi tat-trasport. Permezz tal-website, il-Ministeru sal-bieraħ irċieva 95 każ mingħand ġenituri ta’ tfal li jattendu skejjel indipendenti u 887 każ mingħand ġenituri ta’ tfal li jattendu skejjel tal-Knisja.
Il-Ministeru qed jagħmel dak kollu possibbli biex waqt li jintużaw il-massimu ta’ vetturi liċenzjati u awtorizzati minn Transport Malta biex iġorru tfal tal-iskejjel, naraw li jinġarru l-akbar numru ta’ tfal possibbli. Il-Ministeru qed jagħmel l-almu kollu tiegħu u jinsab anke f’kuntatt mal-operaturi tat-trasport biex kemm jista’ jkun jinqdew ġenituri, inklużi ġenituri li kienu jinqdew b’operaturi li din is-sena ddeċidew li numru ta’ rotot ma jibqgħux jaħdmuhom iktar.
Mis-7 ta’ Settembru, meta l-Ministeru laħaq ftehim ma’ 18-il operatur tat-trasport għall-iskejjel tal-Knisja u indipendenti, sal-bieraħ żdiedu għal 57 operaturi tat-trasport reġistrati u approvati fl-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti. Il-Ministeru jfakkar li dawk l-operaturi tat-trasport li jinteressahom imma għadhom ma daħlux fl-iskema jistgħu jagħmlu dan billi jagħmlu kuntatt mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fuq www.schooltransport.edu.mt.