Dan l-aġġornament qed jitħabbar bħala segwitu għall-istqarrijiet tal-Pulizija PR 119/25, maħruġa fit-3 ta’ Marzu, u PR 121/25, li nħarġet ilbieraħ.
Minn investigazzjonijiet kontinwi, il-Pulizija kkonfermat, permezz ta’ analiżi ta’ filmati, li l-aħħar darba li deher Martin Ambinette, kien liebes ġakketta skura bil-kitba San Ġiljan ASC fuq wara, iżda ma kienx liebes l-iskufja msemmija fl-ewwel istqarrija.
Għalhekk, il-Pulizija qed terġa’ tappella lill-pubbliku biex, jekk xi ħadd għandu xi informazzjoni dwar il-post fejn jista’ jinsab Martin Ambinette, jgħaddiha lill-awtoritajiet. L-informazzjoni tista’ tingħata b’mod kunfidenzjali billi wieħed jikkuntattja l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fuq 21 224001 / 119 jew jirrapporta fl-eqreb għassa tal-Pulizija.