Madwar elf anzjan bid-dimensja jista’ jibda jgawdi mit-telecare on the move għall-anzjani bid-dimensja. Servizz ġdid għall-anzjani bid-dimensja li jgħixu fil-komunità, b’investiment mill-Gvern għat-tliet snin li ġejjin li jlsħħaq il-mitejn elf ewro. Dan is-servizz huwa simili tas-servizz tat-telecare eżistenti, bid-differenza li jaħdem ukoll meta l-anzjan ikun barra minn daru.
Permezz ta’ apparat eletroniku żgħir daqs keychain persuni bid-dimensja jkunu aktar indipendenti filwaqt li jagħti serħan il-moħħ lill-qraba tal-istess persuni. Dan għaliex l-apparat huwa mgħammar b’sistema ta’ GPS u b’hekk jibgħat notifika f’każ li l-anzjan isib ruħu f’diffikultà.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal illi hemm protokoll maħruġ mill-Kummissarju tad-Data f’każ li l-anzjan jintilef.
Dan qed isir sabiex il-privatezza tal-anzjani tibqa’ tkun assigurata.
Qal kif, “Persuni bid-dimensja nafu wkoll illi jista’ jkun hemm każijiet fejn jintilfu, f’dan il-każ dan l-appart se jagħti l-possibilità illi qraba jinformaw lill-Pulizija, eventwalment jinformaw anke lill-operatur ta’ din is-sistema u l-operatur imbgħad jaraw fejn il-persuna qiegħed u wieħed ikun jista’ jmur jiġbru hemmhekk.”
Fl-istess konferenza, il-Ministru Farrugia ħabbar li f’San Vinċenz De Paul se jintrama CT scan sabiex isiru testijiet għad-dimensja fuq l-anzjani, biex f’każ ta’ dimensja tiġi identifikata fi stadju bikri. Il-Ministru saħaq li din is-sena se ssir enfasi fil-ħidma fuq id-dimensja u s-solitudni.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele sostna li dan is-servizz se jkun issusidjat mill-Gvern, għal kull min għandu l-karta r-roża. Filwaqt li l-kumplament tal-anzjani se jkunu qed iħallsu biss nofs il-miżata, jiġifieri €5 fix-xahar.
L-applikazzjoni għal dan is-servizz ġdid tista’ titniżżel minn fuq is-sit activeageing.gov.mt, servizz.gov jew mill-Kunsilli Lokali. Min diġà għandu s-servizz tat-telecare, irid jerġa’ japplika għas-servizz il-ġdid.