Ir-rwol tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ fl-adozzjonijiet minn pajjiż għal ieħor huwa ċentrali tant li diġa għen aġenziji tal-adozzjoni sabiex jistabilixxu kuntatt aktar mill-qrib mal-Vjetnam, mal-Polonja, mal-Moldova u mal-Indja. Dan filwaqt li bħalissa għaddejin diskussjonijiet relatati ma’ dan il-proċess ma’ pajjiżi oħra fl-Amerika Latina, fl-Asja u fl-Afrika.
Barra minn hekk, Malta nnegozjat u kkonkludiet ukoll ftehimiet bilaterali relatati mal-adozzjoni mal-Ukrajna u s-Slovakja. Apparti minn dan hemm ukoll għadd ieħor ta’ Ftehimiet Bilaterali ma’ pajjiżi oħra li bħalissa għadhom qed jiġu nnegozjati. Ma dawk il-pajjiżi li wkoll irratifikaw din il-Konvenzjoni, bħall-Polonja, xorta qed issir ħidma sabiex il-proċess tal-addozzjoni jiġi ffaċilitat.
Il-proċess ta’ adozzjoni minn pajjiżi barra minn Malta huwa proċess li jinvolvi ħafna entitajiet differenti, li kollha huma mportanti sabiex adozzjoni tirnexxi. Dawn l-entitajiet iridu jaħdmu flimkien sabiex kemm jista’ jkun jiffaċilitaw dan il-proċess u jkunu ta’ għajnuna u sapport kemm għall-ġenituri adottivi, kif ukoll għal dik it-tarbija, tifel jew tifla, li ser tkun qed tiġi addottata.
Il-Ministru Carmelo Abela li spjega l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ għandu rwol tanġenzjali pero’ mportanti fejn jidħlu adozzjonijiet tat-tfal minn pajjiżi barra minn Malta. Dan isir b’kollaborazzjoni mal- Awtorità għall-Istandards tal-Kura Soċjali, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali.
L-Onor. Abela qalilna kif filwaqt li dawn it-tip ta’ adozzjonijiet ilhom iseħħu għal tul ta’ żmien, huwa f’dawn l-aħħar snin illi nbeda sforz kollettiv bejn l-entitajiet differenti sabiex kulħadd jiġbed ħabel wieħed u b’hekk qed naraw rati ta’ suċċess ikbar f’dak li għandu x’jaqsam ma adozzjonijiet minn barra minn Malta.
Abela spjega kif “Ta’ min isemmi wkoll illi meta jkun hemm każijiet speċifiċi ta’ adozzjoni li jkunu kkumplikati, fejn hu possibbli, l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jipprovdi wkoll għajnuna konsulari lill-ġenituri prospettivi f’dak il-pajjiż partikolari. Reċentement każ minn dawn seħħ ġewwa l-Indja, u l-għajnuna pprovduta f’dan il-każ kienet siewja ferm sabiex, minkejja il-ħafna ntoppi li nqalgħu, l-adozzjoni seħħet b’wiċċ il-ġid”.
Huwa tkellem magħna kif f’dawn l-aħħar snin, il-Ministeru bena relazzjoni ta’ ħidma soda mal-Awtorità għall-Istandards tal-Kura Soċjali, li hija l-Awtorità Ċentrali nominata f’Malta li tieħu ħsieb adozzjonijiet minn barra. Qalilna kif il-Ministeru jgħin lill-aġenziji tal-adozzjoni lokali sabiex jidentifikaw rappreżentanti tal-adozzjoni f’pajjiżi speċifiċi fejn ikun hemm il-ħsieb li jinġiebu tfal għall-adozzjoni. Dan jitwettaq permezz tan-netwerk diplomatiku u konsulari ta’ Malta li jgħin, permezz tal-għarfien lokali, fl-identifikazzjoni ta’ kandidati xierqa għal din il-pożizzjoni. Dan in-network jgħin ukoll bl-arranġamenti loġistiċi, bħal meta l-aġenzija lokali trid tivvjaġġa fi-pajjiż konċernat sabiex permezz ta’ intervisti tagħżel ir-rappreżentant lokali f’dak il-pajjiż.
Permezz tan-netwerk diplomatiku u konsolari tiegħu, il-Ministeru jgħin ukoll sabiex aġenziji tal-adozzjoni lokali jiġu akkreditati mal-Awtorità Ċentrali ta’ pajjiżi oħra. Dan huwa essenzjali sabiex l-aġenziji lokali jkunu jistgħu jibdew jaħdmu ma’ entitatijiet f’dak il-pajjiż bil-għan li jibdew jinġiebu tfal minn dak il-pajjiż għall-adozzjoni.
Rwol emerġenti ieħor għall-Ministeru huwa r-rekwiżit li jitrawwmu kuntatti ma’ aġenziji ta’ adozzjoni varji f’pajjiżi diversi bil-għan li jiġu ffaċilitati talbiet dwar it-tfittxija ta’ oriġini. F’dawn il-każijiet, persuna li tkun ġiet addottata minn barra u li issa hija adulta, tisa’ titlob l-għajnuna sabiex issir taf dettalji dwar il-ġenituri bioloġiċi tiegħu jew tagħha. F’dawn il-każijiet ta’ natura konsolari, il-Ministeru jaħdem fil-qrib mal-Awtorità Ċentrali sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa.
Abela ikkonkluda li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ għandu l-għan li jkun il-pont ta’ komunikazzjoni bejn l-Awtorita’ Ċentrali lokali kif ukoll l-aġenziji ta’ adozzjoni ma’ pajjiżi barranin, bit-tama li jissaħħu relazzjonijiet eżistenti fir-rispett ta’ adozzjonijiet, kif ukoll jinbnew relazzjonijiet ġodda siewja ma’ dawn il-pajjiżi, u jtaffu l-proċess kkomplikat assoċjat ma’ adozzjonijiet internazzjonali, għall-benefiċċju tal-familji li jixtiequ jagħmlu użu minn tali servizz.
Strorikament, tajjeb li nsemmu wkoll illi l-proċess ta’ adozzjonijiet internazzjonali ingħata spinta ‘l quddiem fl-1993, mill-Konvenzjoni ta ‘The Hague’ dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-rigward ta’ l-Adozzjonijiet minn pajjiż għall-ieħor.
Malta ffirmat din il-konvenzjoni fl-2004 u rratifikatha aktar tard fl-2005. Din il-konvenzjoni hija ta’ mportanza kbira għaliex b’mod formali tipprovdi rikonoxximent internazzjonali u intergovernattiv għal-adozzjonijiet li jsiru bejn il-pajjiżi, u tiżgura li l-adozzjonijiet skont il-Konvenzjoni ġeneralment ikunu rikonoxxuti f’pajjiżi oħra. Permezz ta’ din il-konvenzjoni, Malta ma jkollhex bżonn tidħol fi ftehimiet bilaterali li jittrattaw l-adozzjonijiet ma pajjiżi oħra illi ffirmaw u rratifikaw din il-Konvenzjoni, Ii sakemm ma jkunx hemm xi raġunijiet speċjali għalfejn tinħass il-ħtieġa ta’ ftehim bilaterali.