Ġiet organizzata t-13-il Sessjoni Nazzjonali tal-Model European Parliament, inizjattiva organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ, li timmarka pass ieħor importanti fl-impenn ta’ pajjiżna sabiex tappoġġja ż-żgħażagħ bħala aġenti ta’ bidla.
Dan il-programm ħalla impatt pożittiv fuq aktar minn 400 żagħżugħ u żagħżugħa. Hawnhekk dawn iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità jaraw kif jaħdem il-Parlament Ewropew.
Is-sessjoni ta’ din is-sena ffokat fuq erba’ temi kruċjali: l-isifida tan-nuqqas ta’ għalliema, it-tnaqqis tal-emissjonijiet fit-trasport, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra ż-żieda fil-prezzijiet tad-djar.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, enfasizza kif id-dibattiti u r-riżoluzzjonijiet imfassla matul is-sessjoni għandhom il-potenzjal li jsiru l-bażi għall-politiki li jmexxu ‘l quddiem lil Malta u l-Ewropa.
“Dan huwa programm importanti ħafna mtellgħa minn Aġenzija Żgħażagħ fejn tidħol l-edukazzjoni ċivika, aħna attendejna fuq bażi ta’ jumejn sabiex nisimgħu ż-żgħażagħ, tajna vuċi u minn naħa tagħna qed nieħdu inkonsiderazzjoni u nimplimentaw ir-rekommandazjonijiet li ħarġu bihom iż-żgħażagħ, fejn jidħu suġġetti pertinenti fost l-oħrajn l-ambjent.”
Is-Segretarju Parlamentari, Keith Azzopardi Tanti
Tkellimna ukoll ma’ żagħżugħ li pparteċipa f’dan il-programm.
“L-opportunità tal-MEP hija esperjenza impekkabbli, fejn tħaddan fiha diversi żgħażagħ minn backgrounds differenti, tgħinek tiddixiplina lilek innifsek, tiddibatti b’mod matur u toffrilek esperjenzi sbieħ u li jħallu frott għal bniedem tul il-ħajja.”
Is-Segretarju Parlamentari, Keith Azzopardi Tanti