Il-pandemija globali li bħalissa qiegħda taħkimna lagħbet dawra durella b’ħajjitna u qelbitielna ta’ taħt fuq.
Aġenzija Żgħażagħ kienet fost dawk l-aġenziji li kellhom jadattaw għal din il-ħajja ġdida sabiex jibqgħu jagħtu l-almu tagħhom u joffru kwalunkwe servizz li jeħtieġu ż-żgħażagħ.
Għaldaqstant, l-aġenzija ttrasformat is-servizzi tagħha f’servizzi diġitali. B’hekk iż-żgħażagħ issa jistgħu jagħmlu użu mis-sit youth.gov.mt
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma saħqet li l-entità minn dejjem kellha l-irwol li tkopri edukazzjoni informali u issa qiegħda tagħmel dan billi tevolvi spazji ġodda.
Qalet li fiċ-ċirkostanzi preżenti il-youth workers ta’ Aġenzija Żgħażagħ qegħdin jagħmlu sessjonijiet maż-żgħażagħ permezz tal-midja soċjali.
Hawnhekk iż-żgħażagħ qed ikollhom l-opportunità jaqsmu kelmtejn ma’ żgħażagħ oħra filwaqt li jirċievu għajnuna fi problemi akkademiċi waqt sessjonijiet imsejħa online youth cafe.
L-Aġenzija nediet inizjattiva bl-isem ta’ Give Back Award li biha qed jimmiraw li jinċentivaw liż-żgħażagħ joħorġu b’idea li biha jkunu jistgħu jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità.
L-aġenzija ser toffri €500 lill-aqwa idea biex l-imħuħ warajha ikunu jistgħu jwettquha u €100 oħra lil dawk li punteġġ għoli matul il-fażi ta’ valutazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima rrimarka kif Aġenzija Żgħażagħ minn dejjem rat kif tkun proattiva tant li ħejjiet pjattaforma li tagħti l-ispazju liż-żgħażagħ jiffjorixxu.
Huwa spjega: “Pjattaforma għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li fiha jkunu jistgħu jesperjenzaw numru ta’ programmi kemm fuq livell nazzjonali u anki fuq livell internazzjonali li l-aġenzija minn żmien għal żmien tkun qed toħloq u tipprovdi.