Aġenzija Żgħażagħ nediet żewġ skemi għall-kittieba żgħażagħ sabiex jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom bl-ilsien Malti.
Dawn huma ‘Il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ’, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll ‘ASKing Youth’, programm ta’ ERASMUS+ b’fondi mill-Unjoni Ewropea.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti li saħaq fuq l-importanza ta’ skemi simili. Huwa sostna fuq l-importanza ta’ kittieba ġodda, speċjalment żgħażagħ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri sostna l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet simili li jwasslu sabiex jiġu mnedija inizjattivi bħal dawn.

Tkellimna miegħu dwar din il-kompetizzjoni ta’ kitba li qed tagħti opportunità lil żgħażagħ ta’ bejn it-tlettax–il sena u t-tmintax–il sena biex jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni ta’ kitba.
“Il-manuskritt rebbieħ jingħata premju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju sabiex jiġi ppublikat minn dar ta’ pubblikazzjoni lokali, kif ukoll l-opportunità li jingħata forma ta’ mentoring.”
Is-Senior Manager ta’ Aġenzija Żgħażagħ Jason Zammit tkellem fuq il-proġett ‘ASKing Youth’, li Aġenzija Żgħażagħ qed tniedi bil-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Salerno u MISSS, fis-Slovenja.
“Tul dan il-proġett ħa jkollna 30 kittieb kreattiv li jiktbu fuq iż-żgħożija tagħhom personali. Dawn il-kitbiet imbagħad jiġu analiżati minn riċerkaturi żgħażagħ minn tliet pajjiżi differenti; l-Italja, Malta u Slovenja, biex minn ġo fihom jinħarġu sett ta’ kompetenzi li għandhom bżonn youth workers biex jaħdmu maż-żgħażagħ. B’dawk il-kompetenzi imbagħad jiġu żvillupati fi training programmes għall-youth workers.”
L-Aġenzija Żgħażagħ permezz ta’ dawn l-iskemi se tkompli tara li t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna jkomplu jkunu mħarrsa u anki jservu sabiex aktar żgħażagħ jitħajru biex jaqbdu t-triq tal-kitba letterarja b’ilsien pajjiżna.