DBRS, aġenzija internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ingħaqdet ma’ sensiela ta’ entitajiet li fl-aħħar ġimgħat ippubblikaw rapport dwar il-qagħda ekonomika ta’ Malta. F’dan il-każ ukoll Malta ingħatat rating A u kien innotat kemm Malta tejbet il-pożizzjoni finanzjarja tagħha, fosthom bit-tnaqqis fid-defiċit.
“Id-defiċit naqas għal 0.7% tal-Prodott Domestiku Gross fl-2016, skont il-miri u tnaqqis mill-4.2% tal-2008,” qalu l-esperti tad-DBRS fir-rapport tagħhom. L-istess jgħidu dwar id-dejn li r-rapport ifisser kif laħaq il-qofol tiegħu fl-2011.
Innotaw kif żdied id-dħul mit-taxxa għax żdiedu l-pagi u rrimarkaw kif il-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP) kellu suċċess ferm iktar milli mistennni.
Ir-rapport jinnota l-fatt li l-Enemalta kienet strutturata u l-passi li qegħdin jittieħdu fl-Air Malta. Filwaqt li jinnota wkoll kif żdiedet il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-isfida pensjonijiet ukoll kienet innotata b’kummenti pożittivi. Intqal li r-riforma fil-pensjonijiet li qed jagħmel il-gvern għandha twassal biex is-sistema tkun sostenibbli fit-tul.
L-ekonomija Maltija kienet deskritta bħala diversifikata ħafna anke jekk fost l-iżgħar fl-Unjoni Ewropea. L-esperti tad-DBRS jinnotaw ir-reviżjonijiet li kien hemm fit-tkabbir ekonomiku biex realment dan laħħaq it-8.4% fl-2014 u s-7.4% fl-2015. Fuq kollox jinnotaw kif għalkemm is-sena li għaddiet it-tkabbir mar għal livelli iktar sostenibbli, b’rata ta’ 4%, dan xorta waħda baqa’ fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.
Fuq kollox id-DBRS tinnota li l-gvern qed jagħmel sforzi biex itejjeb il-governanza u jfakkar li l-gvern għadda l-Whistleblower Act u neħħa l-preskrizzjoni f’każi ta’ koruzzjoni li jinvolvu politiċi. “Investigazzjonijiet li hemm għaddejjin u każi l-Qorti jindikaw il-ħtieġa ta’ titjieb fil-governanza, iżda wkoll l-impenn tal-gvern li jindirizza n-nuqqasijiet tal-passat.