L-aġenzija Ġermaniża Scope Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ għal pajjiżna.
Minkejja l-pandemija, din l-aġenzija sostniet li pajjiżna għandu potenzjal qawwi għat-tkabbir tbassir fiskali fuq terminu medju b’saħħtu u pożizzjoni esterna robusta.
L-aġenzija nnutat ukoll titjib fl-isfidi istituzzjonali relatati mal-ħarsien u superviżjoni ta’ oqsma finanzjarji.
L-analisti Ġermaniżi jbassru li l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tirkupra matul is-sena d-dieħla u d-dejn mistenni jinżel.
Anki waqt il-pandemija, numru ta’ setturi importanti, fosthom tal-informatika, baqgħu jikbru.
Minbarra s-suċċess fl-ippjanar ekonomiku, l-esperti barranin laqgħu l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-governanza t-tajba.
Fil-fatt, ir-rapport jinnota li l-amministrazzjoni taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela għamlet progress sostanzjali fejn tidħol is-saħħa tad-dritt, b’emendi kostituzzjonali u riformi fil-ġudikatura.
L-esperti internazzjonali rrimarkaw dwar il-ħidma biex jissaħħu r-regolaturi finanzjarji u r-riformi proposti mill-Moneyval, fost l-oħrajn. Fil-fatt, b’mod globali, ir-rapport jinnota li r-riformi pożittivi baqgħu għaddejjin b’mod kostanti taħt din l-amministrazzjoni.
Ir-rapport ifaħħar ukoll il-pakketti ta’ sostenn finanzjarju li ta l-Gvern tul il-pandemija, u l-esperti jgħidu li permezz ta’ din l-għajnuna, is-sena d-dieħla pajjiżna se jerġa’ jaqbeż il-livell tal-ġid nazzjonali li kellu qabel il-pandemija.
Fattur ewlieni ieħor li jsemmi r-rapport huwa s-suċċess tal-programm ta’ tilqim, li huwa l-aqwa fl-Ewropa skont l-esperti.
Ir-rapport isemmi wkoll l-importanza tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, speċjalment l-investiment ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro f’infrastruttura industrijali ġdida.
Skont Scope Ratings, element importanti ieħor għall-irkupru ekonomiku huwa l-pakkett kbir ta’ fondi Ewropej li rnexxielu jakkwista l-Gvern Malti, li se jkun kruċjali biex jgħin fil-finanzjament ta’ ħafna proġetti meqjusa essenzjali, li se jwasslu għal tkabbir ekonomiku qawwi fis-snin li ġejjin.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ r-rating ta’ din l-aġenzija u nnota b’sodisfazzjon kif l-esperti elenkaw il-bidliet u r-riformi li saru f’pajjiżna favur istituzzjonijiet aktar b’saħħithom.