Bernard Grech iġġustifika l-ġlieda fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun u l-fatt li dak li qarib tiegħu, Noel Mifsud Bonnici, spiċċa qala’ x-xebgħa minħabba fih.
“Affarijiet li jiġru”, qal Bernard Grech għall-ġlied fil-Ħamrun.
“Ikun hemm ambjenti bħal dawn”, kompla jisħaq Bernard Grech meta mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News, Samuel Lucas.
Grech mera s-sewwa magħruf anke permezz ta’ xhieda ġuramentata fil-Qorti dwar il-ġlieda fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun u qal li ma ħalliex waħdu lil Mifsud Bonnici anke jekk fil-fatt deher jippoża għar-ritratti u jitla’ f’gallarija ta’ każin ieħor wara li ma tħalliex jidħol fil-każin tal-Partit tiegħu stess, li suppost imexxi.
Saħansitra bint Noel Mifsud Bonnici ddikjarat li missierha kien il-ħaruf tas-sagrifiċju u tħalla waħdu jissawwat.
B’referenza ċara, li biha kkonferma r-rapporti ta’ ONE News minn sorsi minn ġewwa, li l-klikka tal-Kap riedet tpatti għall-fatt li l-Kap ma tħalliex jidħol fil-każin Nazzjonalista, qal li dan il-każin għandu jkun aċċessibbli mhux b’inqas għalih.
Bernard Grech kien mistoqsi fuq temi oħrajn minn ONE News u saħansitra nqabad jgħid kollox ħlief il-fatti.
Spikka wkoll l-għajjat u l-interruzzjonijiet mill-udjenza għal ħafna drabi fil-ħin meta ONE News beda jistaqsi lil Bernard Grech. L-istess Kap spiċċa jgħajjat u jaħrab mid-domandi li bdew isirulu fl-isfond ta’ partitarji Nazzjonalisti ostli.