Tressaq il-Qorti Adrian Hillman mixli b’reati ta’ frodi u ħasil ta’ flus fost l-oħrajn. L-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times ġie estradit lejn Malta mill-Ingilterra fejn mal-wasla tiegħu f’Malta l-Ġimgħa huwa ttieħed immedjatament il-Ħamrun fejn ġie interrogat mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi. Dan b’rabta mal-każ ta’ xiri ta’ magni tal-istampar mill-kumpanija Kasco Ltd.
Fil-Qorti Hillman ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. Huwa wieġeb mhux ħati wkoll f’isem iż-żewġ kumpaniji tiegħu.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn saħansitra tellgħet lil omm, missier u oħt l-akkużat fuq il-pedana tax-xhieda biex b’ġurament jikkonfermaw li lesti jidħlu garanti sabiex Hillman jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba l-biża’ li Hillman jipprova jaħrab mill-pajjiż u l-biża’ ta’ intralċ tal-provi. Id-Difiża madankollu qalet li m’hemm l-ebda biża’ li jabskondi mill-pajjiż kif qed tgħid il-Prosekuzzjoni u spjegat kif Hillman mar l-Ingilterra għaliex huwa għandu ċ-ċittadinanza Ingliża wkoll ma’ dik Maltija. Ġie spjegat kif huwa mar l-Ingilterra minħabba impenji ta’ xogħol ta’ martu.
Dwar il-biża’ tal-intralċ tal-provi, id-Difiża qalet kif ix-xhieda u l-evidenza kollha hija kristalizzata f’inkjesta.
Il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jsifirx, li jidħol ġewwa sal-10:00pm u ma joħroġx sas-7:00 ta’ filgħodu, li ma jitlax fuq dgħajjes u ma jidħolx f’portijiet jew l-ajruport. Huwa ġie ordnat jirrapporta l-għassa darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija. Huwa ġie ordnat ukoll jiddepożita €50,000 u l-familja ta’ Hillman ġiet mitluba tagħmel garanzija ta’ €100,000.
Il-Prosekuzzjoni għamlet talba għall-ordni tal-iffriżar tal-assi bid-Difiża titlob li dawn ikunu biss limitati għall-flejjes li daħħal mir-reati li allegatament wettaq. Madankollu, l-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni fl-intjier tagħha.
L-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times huwa t-tielet direttur tat-Times li spiċċa fl-iżbarra wara Vince Buhagiar u Michel Rizzo.
Hu mifhum ukoll li Hillman għandu rabtiet mad-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco.
Apparti li Hillman kien il-bestman fit-tieġ ta’ De Marco, id-Deputat Nazzjonalista huwa membru fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, ix-shareholder ewlieni tal-kumpanija tat-Times, Allied Newspapers.
Aktar qabel fil-Qorti:
13:24 – Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jsifirx, li jidħol ġewwa sal-10:00pm u ma joħroġx sas-7:00 ta’ filgħodu, li ma jitlax fuq dgħajjes u ma jidħolx f’portijiet jew l-ajruport. Huwa ġie ordnat jirrapporta l-għassa darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija. Huwa ġie ordnat ukoll jiddepożita €50,000 u l-familja ta’ Hillman ġiet mitluba tagħmel garanzija ta’ €100,000.
13:17 – Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti b’referenza għat-talba tal-Prosekuzzjoni wkoll laqgħet it-talba tal-iffriżar tal-assi u ssekwestrat l-assi kollha tal-akkużat Adrian Hillman u taż-żewġ kumpaniji.
13:15 – Il-Maġistrat daħlet lura fl-awla u ser tibda taqra d-digriet.
13:14 – Il-Prosekuzzjoni, id-Difiża u l-akkużat jinsabu lura fl-awla hekk kif il-Maġistrat mistennija tagħti digriet dwar it-talbiet li saru.
12:08 – Il-kawża tinsab posposta sakemm il-Maġistrat tiddeċiedi dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest tad-Difiża u t-talba għall-ordni tal-iffriżar tal-Prosekuzzjoni.
12:05 – Il-Prosekuzzjoni qalet li f’każ ta’ ħasil ta’ flus il-preżunzjoni hija li l-assi kollha ikunu parti mir-rikavat. Id-Difiża madankollu talbet lill-Prosekuzzjoni tillimita t-talba tagħha għall-perjodu u t-transazzjonijiet relevanti. Qal li dan minħabba li Hillman għamel 24 sena jaħdem u jaqla’ l-flus sal-2005 u li bejn l-2005 u l-2019 kellu dħul minn sorsi li m’għandhom x’jaqsmu xejn mar-reati allegati llum fil-konfront tiegħu.
Qal li huwa minnu li l-liġi toħloq preżunzjoni iżda huwa minn ewl id-dinja li qligħ li sar qabel l-allegat reat m’għandu xejn x’jaqsam mar-reati li qed ikun mixli bihom l-akkużat.
11:59 – Il-Prosekuzzjoni għamlet talba għall-ordni tal-iffriżar tal-assi tal-akkużat u tal-kumpaniji mixlija fl-istess kawża. Id-Difiża talbet li l-ordni tal-iffriżar ma tkoprix assi li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-każ. Qal kif dan ilu minn 1984 jaħdem u li għalhekk ma jkunx jagħmel sens li assi li qala’ qabel jiġu ffriżati minħabba reat li allegatament sar mit-2005 sat-2019.
11:57 – Qed tagħmel intervent ieħor mill-Prosekuzzjoni fejn qed toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest. Fost l-oħrajn qed jingħad kif mhux minnu li l-evidenza kollha hija miġbura fl-inkjesta. Reġa’ tenna li għad hemm numru ta’ xhieda pajżana x’jinstemgħu fil-Qorti.
Id-Difiża qalet kif mill-inkjesta għandha biss il-konklużjoni u ħafna minnha hija mgħottija. Qal kif il-kumplament tal-informazzjoni li għandu l-akkużat ġejja mill-gazzetti u li dan ma kellu ebda obbligu li ma jarax artikli fil-gazzetta.
Id-Difiża kompliet tgħid kif għadu mhux indikat min huma x-xhieda pajżana u b’hekk qed titħalla vaga. Qal li dawn ix-xhieda diġà xehdu f’każijiet oħra bil-ġurament.
11:46 – Qal ukoll li fid-dokumenti tat-talba għall-estradizzjoni kien hemm difiża x’tingħata minħabba żbalji li kien hemm fihom. Qal li madankollu Hillman aċċetta li jkun estradit.
Innota wkoll li l-fedina penali ta’ Hillman hija wkoll netta.
Dwar il-biża’ tal-intralċ tal-provi, id-Difiża qalet kif ix-xhieda u l-evidenza kollha hija kristalizzata f’inkjesta.
Tenna li fl-Ingilterra Hillman ma ħax il-bail għaliex fil-Qorti Ingliża ntqal li Hillman għandu l-miljuni barra, li prova jisparpalja kollox biex ma jinqabadx u li kien hemm bosta tentattivi ta’ ħarba fost l-oħrajn. Huwa qal li dan mhux minnu.
11:26 – Dwar il-biża tal-ħarba d-Difiża qalet kif bħala fatt li fl-ewwel mument li l-awtoritajiet Ingliżi wrew l-interess lil Adrian Hillman, hemmhekk jiskattaw numru ta’ proċeduri min-naħa tal-pulizija. Fosthom hija li joħorġu ordni mal-points of exit tal-pajjiż u jpoġġuh mal-lista ta’ nies mfittxija mill-pulizija. Qal li l-mument li skatta l-proċess Hillman ma setax jiġi Malta. Huwa kkwota numru ta’ emails bejn l-Avukati ta’ Hillman u l-awtoritajiet biex jipprova jissostanzja li Hillman kkopera fl-Ingilterra.
11:13 – Id-Difiża nnutat kif il-biżgħat huma tnejn, il-biża’ tal-ħarba u l-intralċ tal-provi.
Id-Difiża qalet li hawn qed nitkellmu fuq allegat reati li bdew mis-sena 2005, bejn 15 u 16-il sena ilu. Dwar dak li qalet il-Prosekuzzjoni li qed jaħsbu li ħarab minn Malta, id-Difiża qalet li saħansitra anke fuq il-gazzetti ġieli deher l-indirizz tiegħu. Qal ukoll kif huwa ċittadin Ingliż.
Qal li fl-aħħar xhur huwa lanqas xogħol ma kellu għaliex fil-Qorti kien jingħad minn bosta xhieda li Adrian Hillman ingħad li tħallas ammont ta’ flus mill-korruzzjoni. U kien għalhekk li marru l-Ingilterra minħabba impenji ta’ xogħol ta’ mart l-akkużat. Id-Difiża qalet ukoll kif Hilman reġa’ ġie Malta f’Ottubru biex jara lil familtu. Qal ukoll kif mill-2017 u l-2020 ħadd ma bagħat għal Hillman biex jagħti l-verżjoni tiegħu.
11:06 – Bdew is-sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni qalet kif hija taħseb li Hillman mar joqgħod l-Ingilterra wara li sar jaf li qed ikun investigat. Dan għaliex qalet li anke mill-midja seta’ jkun jaf li qed jiġi investigat. Sostniet kif fil-bidu l-European arrest warrant ġiet ikkontestata u aċċetta biss li jiġi lura Malta wara li t-talba tal-ħelsien mill-arrest tiegħu ġiet miċħuda darbtejn.
L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li għandhom il-biża’ li Hillman jabskondi minn pajjiżna jekk dan jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qal li l-assi li għandu Malta huma ftit u għalhekk hemm ftit x’iżommu marbut hawnhekk. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li għad hemm bosta xhieda li għad iridu jixhdu u li minħabba l-kuntatti li għandu anke fil-kumpanija Allied dan jista’ jintralċa l-provi.
Id-Difiża qalet li hija sorpriża bis-sottomissjoni tal-Prosekuzzjoni għaliex qalet kif il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest m’għandhiex tkun sitwazzjoni li d-Difiża tikkonvinċi għaliex għandu jingħata, iżda trid tkun il-Prosekuzzjoni li tikkonvinċi għaliex m’għandux jingħata. Qalet li l-kostituzzjoni tagħti d-dritt tal-ħelsien b’ċertu eċċezzjonijiet bħal dik fl-arrest. L-Avukat Stefano Filletti qal madankollu li r-regola hija l-ħelsien u l-arrest huwa biss l-eċċezzjoni, u għalhekk għandha tkun il-Prosekuzzjoni li tipprova għaliex m’għandux jingħata l-ħelsien u b’hekk tiskatta l-eċċezzjoni tal-ħelsien.
10:56 – Telgħet ukoll tixhed oħt l-akkużat u kkonfermat ukoll li hija lesta toqgħod garanti għal ħuha. Hija wieġbet ukoll bl-stess mod bħal ommha u missierha għall-istess mistoqsijiet.
10:53 – Qed tixhed issa Irene Hillman, omm Adrian Hillman. Hija qalet ukoll li taċċetta li tkun garanti għal binha biex jingħata l-elsien mill-arrest u lesta wkoll li toqgħod għall-proċeduri kollha jekk Adrian Hillman ma jimxix mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Qalet wkoll li hija lesta tħallas l-ispejjeż kollha neċessarji biex binha jingħata l-ħelsien mill-arrest.
10:51 – Huwa qal kif l-akkużat għandu ċ-ċittadinanza Maltija u anke dik Ingliża. Qal kif huwa lest jidħol garanti għal ibnu, dan għalkemm kien imwissi li jekk Adrian Hillman ma jimxix mal-kundizzjonijiet tiegħu, huwa jista’ jispiċċa jkollu jiskonta wkoll sentenza ta’ priġunerija. Qal wkoll li lest iħallas l-ispejjeż kollha neċessarji biex ibnu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
10:47 – L-Ispettur xehed ukoll kif bejn Marzu u Mejju minħabba l-Brexit kien hemm xi problemi legali min-naħa tal-awtoritajiet Ingliżi sabiex Hillman ikun jista’ jiġi estradit u li għalhekk kien hemm ċertu dewmien.
Id-Difiża tellgħet biex jixhed lil missier Adrian Hillman, Colin Hillman.
Huwa ser jixhed bl-Ingliż.
10:44 – Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona għal dan. Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll għall-ordni tal-iffriżat.
Fuq il-pedana reġa’ tela’ l-Ispettur Joseph Scerri wara li kien mitlub jixhed mid-Difiża. Dwar jekk staqsiehx għaliex telaq minn Malta l-Ispettur wieġeb fl-affermattiv, u qal kif Hillmann kien qallu li tela’ minħabba impenji ta’ xogħol li għandha martu. Huwa tenna kif Hillman ma weġibx għall-maġġoranza tad-domandi li sarulu lbieraħ.
Huwa qal li huwa ma kienx jaf li Hillman ried jkun estradit biex jiġi lura Malta. Id-Difiża wrietu korrispondenza bejn l-avukati Ingliżi ta’ Hillman u l-uffiċjali Ingliżi wara t-talba mill-pulizija Maltija biex ikun estradit. L-Ispettur qal li din il-korrispondenza qatt ma raha qabel. Huwa ntwera wkoll in-nota li fiha Hillman ta l-kunsens għall-estradizzjoni. L-Ispettur qal li għandu kopja tagħha iżda mhux konvint jekk hux bħal din. Qal li kien jaf li Hillman ta l-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni fl-24 ta’ Mejju 2021.
10:32 – Hillman wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Huwa wieġeb mhux ħati wkoll f’isem iż-żewġ kumpaniji tiegħu.
10:27 – Wara li d-dokument tal-mandat tal-arrest ġie esebit fil-Qorti, Dr Stefano Filletti li qed imexxi d-Difiża qal kif id-Difiża mhux ser tkun qed tikkontesta l-validità tal-arrest. Issa qed isir l-eżami ta’ Adrian Hillman.
10:26 – Tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Joseph Scerri li qed jispjega x’wassal biex Hillman jitressaq il-Qorti llum.
L-Ispettur qal kif fl-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena l-pulizija rċeviet l-eżitu tal-inkjesta dwar l-allegat tixħim bejn Keith Schembri u Adrian Hillman. Qal kif kien inġieb mandat ta’ arrest u tfittxija, u fit-8 ta’ Marzu seħħew diversi arresti ta’ persuni soġġetti għal din l-inkjesta. Qal kif meta marru għal Hillman huma kienu ġew infurmati li huwa kien emigra lejn l-Ingilterra. Qal li kien skatta proċess biex ikun estradit lejn pajjiżna.
Qal kif fi proċeduri fl-Ingilterra, il-ħelsien mill-arrest tiegħu kien ġie miċħud darbtejn u wara t-tieni darba huwa kien ta l-kunsens li jkun estradit. Wara li nġieb lura sarulu numru ta’ mistoqsijiet u ngħata stqarrija iżda Hillman għażel li ma jweġibx għall-mistoqsijiet li sarulu.
10:18 – Fl-awla daħlet il-Maġistrat Doreen Clarke. L-Avukat Difensur Dr Stefano Filletti stqarr kif wara l-eżami qabel it-talba għall-ħelsien mill-arrest, id-Difiża ser tkun qed tattakka l-validità tal-arrest u b’hekk stqarr li ser ikunu qed isiru s-sottomissjonijiet f’dan ir-rigward.
10:10 – Fl-awla daħal Adrian Hillman bis-seduta mistennija tibda dalwaqt.
10:08 – F’awla 10 il-ġurnalisti diġà jinsabu miġbura jistennew il-bidu tas-seduta fejn fiha ser ikun qed jiġi mixli b’akkużi relatati ma’ frodi u ħasil ta’ flus l-eks Direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman.
Fl-awla bdew jaslu wkoll membri tal-korp tal-pulizija li ser ikunu qed imexxu l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Waslu wkoll numru sostanzjali ta’ avukati difensuri li ser ikunu qed jidhru għal Hillman.
Hilmann ser jiġi mixli fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.
Aktar qabel – Minn hawn u ftit tal-minuti oħra mistenni jitressaq il-Qorti Adrian Hillman li qed ikun mixli fost oħrajn b’reati ta’ frodi u ħasil ta’ flus.
L-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times huwa t-tielet direttur tat-Times li spiċċa fl-iżbarra wara Vince Buhagiar u Michel Rizzo. Dan b’rabta mal-każ ta’ xiri ta’ magni tal-istampar mill-kumpanija Kasco Ltd.
Hillman ġie estradit lejn Malta mill-Ingilterra fejn mal-wasla tiegħu f’Malta l-Ġimgħa huwa ttieħed immedjatament il-Ħamrun fejn ġie interrogat mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.