Il-Ħadd kien irrapportat li l-eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman kien arrestat fir-Renju Unit. Rapporti fosthom il-ġurnal The Times of Malta spjegaw ukoll li Hillman mhux se joġġezzjona għall-proċeduri tal-estradizzjoni sabiex jinġieb pajjiżna u jaffaċċja akkużi relatati ma’ kriminalità finanzjarja.
It-Times kkwotat lill-avukat ta’ Hillman, Stefano Filletti jgħid li hillman sa mill-bidu għarraf lill-awtoritajiet bil-post fejn qiegħed u għandu l-intenzjoni li jikkollabora tul il-proċess. Huwa mistenni jinġieb f’Malta biex jaffaċċja akkużi kriminali wara l-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali dwar ix-xiri ta’ tliett magni tal-istampar mill-kumpanija Progress Press mingħand il-Kumpanija Kasco Ltd.
Progress Press hija kumpanija sussidjarja tal-Allied Newspapers li tippublika t-Times of Malta. L-eks Chairman tal-Progress Press Vincent Buhagiar ukoll qed jaffaċċja akkużi kriminali b’rabta mal-istess każ. Fost l-oħrajn huwa qed ikun akkużat li rċieva ħlas mingħand Kieth Schembri u l-ħasil tal-istess flus.
Intqal kif minn rapport illikjat tal-FIAU, Keith Schembri allegatament għadda mas-sitt mija u ħamsin elf ewro lil Hillman fil-fuq minn tletin tranżazzjoni bejn l-2011 u l-2015. Huwa kien ukoll iddepożita mitejn u ħamsa u għoxrin elf ewro fi flus kontanti f’kont bankarju tal-HSBC bejn Jannar tal-2011 u Frar tal-2016.