Jekk Roberta Metsola tiddeċiedi li ma tikkontestax it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap preżenti, Simon Busuttil u l-establishment se jħeġġu biex jikkontesta u jappoġġjaw lill-avukat Adrian Delia.
Dan anke jekk bħal Metsola għandu l-problema li mhux membru tal-Parlament Malti.
Ma’ Metsola din kienet se tissolva billi f’każ li tkun maħtura kap, Simon Busuttil jieħu s-siġġu tagħha għax ma ssirx elezzjoni każwali u jkun coopted u l-istess tgħamel hi bis-siġġu tiegħu biex issib postha fil-parlament Malti.
Iżda, jidher li Metsola għadha mhix konvinta għal kollox li tħalli Brussell u tiġi lejn Malta u dan wassal biex dawk li fl-istamperija jiġbdu l-ispag bdew jaħsbu f’alternattiva li skont imkejjen mgħarrfa sew jista’ jkun Adrian Delia, li minbarra li hu avukat magħruf fi ċrieki Nazzjonalisti huwa wkoll il-President tal-Klabb tal-futbol ta’ Birkirkara.
F’dan kollu qed jingħata l-ġenb Chris Said li fost il-membri tal-grupp Parlamentari sa issa kien l-iktar wieħed li għamel ċar il-ħsieb tiegħu li jikkontesta.
Tant li kien hemm kandidati Nazzjonalisti bħal Wayne Hewitt li diġa’ ħarġu jappoġjawh fil-miftuħ.
Chris Said kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u twarrab minn Simon Busuttil li kien rah theddida.
Anke Claudio Grech huwa interessat fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Iżda xejn mhu favorit mal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Konxji mill-popolarità li jista’ jgawdi Grech ma’ xi sezzjonijiet ta nies hemm min qed jipprova jwassal biex fil-pjan tal-establishment ikun Viċi-Kap.
Il-Partit Nazzjonalista se jaħtar il-kap fis-sittax ta’ Settembru u sa issa ħadd ma ddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkun kandidat. Għalkemm l-ewwel dikjarazzjonijiet pubbliċi mistennija jsiru lejn tmiem il-ġimgħa.