“Din hija ġurnata sewda għall-Partit Nazzjonalista.”
Hekk iddeskriva l-jum tas-Sibt Adrian Delia, li fuq Facebook deher urtat ħafna għall-fatt li ż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech, ħataflu l-unika programm fil-ġimgħa li kien allokat għall-Kap Nazzjonalista.
Fil-fatt, il-Kap preżenti kiteb li Bernard Grech għadu lanqas ġie kkonfermat bħala kandidat għal Kap tal-partit u diġà qed jitħalla jaħtaf l-unika programm fil-ġimgħa li kien ikollu hu bħala Kap.
Delia spjega li l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista għażel li jxandar intervista ma’ Bernard Grech minflok miegħu, li dejjem tkun skedata kull nhar ta’ Sibt.
Iżda Delia sfidah u tkellem fl-istess ħin fuq Facebook live.
Delia qal, “Kelli nirrikorri li mmur Facebook Live minflok nutilizza l-istazzjon, il-midja, in-NETFM, tal-Partit Nazzjonalista, biex inkun nista’ nxandar il-messaġġ politiku tiegħi.”
Delia kritika wkoll il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista li qal li waqqfet l-intervisti allokati għall-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Bħalissa qed jiġi mfixkel, imxekkel, dak li huma d-drittijiet, il-funzjoni tiegħi, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.” Qal Delia.
Delia qal li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista setgħet iżżid fi kwalunkwe ġurnata u ħin ieħor, l-intervisti allokati għall-kandidati għal Kap tal-partit.
Qal li minflok għażlet li twaqqaf il-ħin tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Delia qal, “Dil-ġimgħa, il-Kummissjoni Elettorali nfurmatna li dehrilha li għandha tneħħili dan il-programm fuq talba prattikament li saret min-naħa tat-tim, jew dawk li hemm wara, l-avukat Bernard Grech għax minflok riedu li jkollu hu dak l-islot tal-ħdax u nofs. Lili riduni, qishom qed jagħmluli xi pjaċir, slot ieħor ħalli ż-żewġ programmi jkunu relatati mal-kampanja.”
Delia qal li dan hu l-istil antik ta’ dawk li jridu l-kontroll assolut tal-Partit Nazzjonalista, u saħaq li lilu mhu se jsikktu ħadd.
Fl-aħħar jiem il-ġlieda bejn iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista ħraxet, b’Delia jfakkar li hu qatt m’evada t-taxxa u li dan hu reat kriminali.
Dan f’botta ċara għal Bernard Grech li kien kostrett iħallas eluf kbar ta’ ewro f’kontijiet pendenti ma’ tat-taxxa u tal-VAT, saħansitra kontijiet minnhom imorru lura għal disa’ snin ilu.
Intant, fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, spjegat li matul dawn l-aħħar ġimgħat ħarġet skeda ġimgħa b’ġimgħa ta’ programmi li jibbilanċjaw ix-xandir bejn il-persuni li ddikjaraw l-interess tagħhom għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, u ma ċaħdet qatt lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jitkellem fuq il-midja tal-Partit.
Irrikonoxxiet li Adrian Delia xtaq jitkellem bħala Kap tal-Oppożizzjoni u proponietlu ħin differenti, iżda Delia informa lill-Kummissjoni li l-ħin li tawh ma ridux u nsista li jitkellem fil-ħdax u nofs bi dritt bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, m’aċċettatx din it-talba.