Il-Kelliem Nazzjonalista għas-Saħħa Adrian Delia ma jridx jagħmel apoloġija, wara li fl-aħħar ġimgħat rikeb fuq fake news u għamel allegazzjonijiet bla bażi qabel ġiet ippubblikata l-inkjesta maġisterjali u oħra indipendenti maħtura mill-Ministru tas-Saħħa, b’rabta mal-mewt ta’ Stephen Mangion.
F’konferenza tal-aħbarjiet fid-Dar Ċentrali, l-eks Kap Nazzjonalista qal li, dwar dan il-każ, hu dejjem kien kawt fi kliemu.
“Jien ma rkibt fuq xejn u fuq ħadd, jien ikkwotajt meta tkellimt fl-unika post li għedt, qgħadt attent u kawt kif nitkellem”
“Jien tkellimt b’kawtela kbira, għamilt post waħda u mort f’dibattitu mal-Ministru ftit ġranet wara u speċifikament għażilt li ma nitkellimx fuq dan il-każ partikolari.”
“Aħna mkien ma dħalna fid-dettall fuq dak li ġara”
Iżda l-fatti juru mod ieħor, hekk kif l-għada li tħabbret il-mewt ta’ Mangion, il-PN għamel konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-istess Delia u mid-Deputat Ian Vassallo Hagi.
Fejn, mingħajr lanqas biss kellu l-fatti kollha, l-eks Kap Nazzjonalista straħ fuq dak allegat minn fake profile u spara affarijiet li ma kinux minnhom, inkluż meta qal li Mangion tħalla jistenna għal sigħat twal.
“Minkejja li dan suppost ingħata l-għajnuna minnufih, minkejja li suppost ġie ttrattat b’emerġenza, dan tħalla jistenna għal sigħat, bil-konsegwenza traġika li tilef ħajtu.”
Delia saħansitra qal wkoll li l-Partit Nazzjonalista m’użax is-settur tas-saħħa għal skopijiet partiġġjani.
“Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem qal li s-settur tas-saħħa mhuwiex ballun politiku.”
Iżda meta ffaċċjat b’dawn il-fatti t-Tlieta, id-Deputat Nazzjonalista qal li hu mhu se jagħmel l-ebda apoloġija.
“Le, m’għandix għalfejn nagħmel apoloġija.”