L-eks Kap u llum deputat tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, tenna li għandhom jittieħdu passi u tintrefa’ r-responsabbiltà fil-konfront ta’ dawk li warrbu lill-eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo.
Huwa qal dan mal-mikrofonu ta’ ONE News wara tmiem il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista t-Tnejn li għadda.
Qal, “Robert Arrigo għamel referenza għal nies li urewh, naħseb, diżrispett totali u naħseb għandhom jittieħdu l-passi u r-responsabiltà dwar min aġixxa b’dak il mod fil-konfront tiegħu.”
Qal ukoll li din hija weġgħa kbira li m’għandhiex tkun.
Stqarr, “Naħseb ta’ Robert Arrigo hija weġgħa kbira li m’għandhiex tkun, m’għandiex issir, u naħseb li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà fuqha.
Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Adrian Delia jikkuntrastaw għal kollox ma’ dak li qal il-Kap Bernard Grech ftit tal-ħin wara mal-istess ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet.
Fil-kummenti tiegħu b’reazzjoni għal dawn l-allegazzjonijiet minn Robert Arrigo, Bernard Grech giddeb lill-eks Viċi Kap Nazzjonalista.
“Ġurnalist – “Qal li twarrab minnek u mill-Partit Nazzjonalista.”
Bernard Grech – “Ma huwa veru xejn, ma huwa veru xejn.”
Intant, Adrian Delia reġa’ għamel riferenza għall-messaġġ li bagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, li fih saħaq li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà llum qabel għada.
Kien qal, “Nittama li jkellimni.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet ikomplu jikkonfermaw il-firda, il-ġlied, u l-intriċċi li għadhom qed jiddominaw fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietá.
Dikjarazzjonijiet li jikkonfermaw għal kollox ukoll kif, minn mindu laħaq Kap Nazzjonalista Bernard Grech, mhux biss ma sabx tarf ta’ dawn il-problemi iżda saħansitra taħtu komplew jintensifikaw.
Xhieda ta’ dan hija wkoll l-apatija li qed tkompli tiddomina fil-Partit Nazzjonalista u li dehret fl-aħħar elezzjoni għall-kariga ta’ Viċi Kap, hekk kif 30 fil-mija tal-kunsillieri Nazzjonalisti lanqas biss marru jivvutaw.
Aqra wkoll: