It-tim tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kien qabbad lil Manuel Delia biex jikteb artikli għall-istess Adrian Delia. Dan fis-sajf ta’ sentejn ilu meta Adrian Delia kien qed jikkampanja biex isir kap. B’hekk fl-istess żmien li Adrian Delia kien qed jgħajjar “biċċa blogger” lil Daphne Caruana Galizia fl-attivitajiet tiegħu jikteb f’ismu kien hemm dak li llum jgħid li jrid ġustizzja għall-istess blogger.
Kien iċ-ċermen eżekuttiv ta’ MediaLink Communications Pierre Portelli li fil-Qorti xehed kif Manuel Delia kien dak imsejjaħ “ghostwriter” għall-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Ix-xhieda kienet qed issir f’kawża ta’ libell li Manuel Delia fetaħ kontra l-editur ta’ Media.Link, Robert Cremona.
Portelli qal li hekk kif Adrian Delia rebaħ Manuel Delia staqsih għal pagament. Fil-Qorti Pierre Portelli semma wkoll li lil Manuel Delia kien riedu editur imma kien talbu paga doppju ta’ li offrilu.
Ix-xhieda fil-qorti tefgħet dawl ġdid fuq kif isiru l-affarijiet fiċ-ċrieki tal-poter tal-Partit Nazzjonalista u kif Adrian Delia kien qed jipprova jżomm qrib tiegħu l-establishment li fid-deher kien qed jgħid li se jneħħih. Dan sakemm xi ħaġa marret ħażin u Manuel Delia u l-grupp li jmexxi ħarġu jitolbu għar-riżenji ta’ Adrian Delia.
Filwaqt li Adrian Delia attakahom f’iktar minn okkażjoni waħda. Għalkemm xi minn daqqiet jipprova wkoll jintgħoġob magħhom it-tama li jiġbor xi ftit appoġġ.