“Il-Prim Ministru eċċeda l-aspettativa.”
Dan kien kliem Albert Gauci Cunningham, l-editur tal-gazzetta Illum waqt edizzjoni speċjali tal-programm imxandar fuq ONE, Paperscan.
Gauci Cunningham stqarr ukoll li mill-punt tat-tluq, il-Prim Ministru Robert Abela beda bi grinta fejn wera li tul dawn l-aħħar xhur kiber fl-istatura politika tiegħu u saħaq li din kienet l-aqwa prestazzjoni tiegħu kemm ilu Prim Ministru u Mexxej Laburista.
Qal kif, “Il-Prim Ministru eċċeda l-aspettativa jiġifieri. Ħa nitkellem għalija, mhux għax beda l-Prim Ministru għidt li ħa jkun ħażin imma ma bsartux li ħa jkun daqstant tajjeb u dan sentiment li kien hemm, anki tara l-midja soċjali kien hemm ħafna bdew jgħidu kien tajjeb u kien aħjar milli stennejna.”
Fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-editur tal-Illum sostna li dan ma laħaqx il-livell li kien mistenni u saħansitra kien ħafna inqas.
Gauci Cunningham spjega li diskors huwa forma ta’ arti iżda stqarr li sfortunatament mhux kulħadd huwa pittur.
Qal li, “Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux talli ma laħaqx l-aspettativa imma kien ħafna inqas minn dak li forsi ħafna stennew. Jiġifieri, il-bieraħ il-Prim Ministru malli beda d-diskors, beda b’ċertu grinta li wara kważi għaxar minuti fid-diskors seta’ jieqaf hemm.”
Hu kompla jgħid li Bernard Grech qabad script u żamm miegħu, eżerċizzju li wassal għal diskors diżappuntanti u li kieku għamlu Adrian Delia, kien ikun aħjar.
Spjega li, “L-ispeech ta’ Bernard Grech huwa diżappuntanti mhux biss mill-istil imma anki fil-kontenut. Kważi kważi ngħid li kieku d-diskors mingħajr ma nkun kattiv, fejn hu tiegħu dejjem tajtulu, fejn kien ħaqqu tifħir, faħħartu però kważi kważi kieku għamel id-diskors Adrian Delia, kien ikun aħjar.”