Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kellu jitlob inkjesta dwaru nnifsu u mhux dwar kwistjonijiet li llum huma diġà investigati minn awtoritajiet indipendenti.
It-talba ta’ Adrian Delia llum hija attentat fjakk ta’ min qed jipprova jieħu kontroll tal-Partit li jmexxi iżda jaf li diffiċli jagħmel dan għax għandu problema ta’ kredibbiltà.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista fakkar kif fix-xhur ta’ qabel inqatlet Daphne Caruana Galizia, Adrian Delia kien il-bniedem li l-iktar kien qed ikun attakkat mill-istess persuna li hu sejħilha biċċa blogger u għajjarha pubblikament. Iżda, il-kontenut ta’ dak li kitbet dwaru baqa’ qatt ma kien ivverifikat għaliex beża’ jpoġġi għal inkjesta indipendenti kif għamel il-Prim Ministru fil-każ Egrant. Għalhekk biex Delia jkun kredibbli għandu jibda billi jitlob inkjesta dwar nnifsu u mhux dwar affarijiet li diġa’ hemm investigazzjoni dwarhom u saħansitra nies il-Qorti.
Il-Partit Laburista qal li l-aġir ta’ Adrian Delia jista’ jkun xkiel għal investigazzjonijiet li għaddejin. Filwaqt li jrid ikun innotat li fl-istess ħin qed jiddikjara li m’għandux fiduċja f’awtoritajiet ġudizzjarji li sal-aħħar jiem stess kien qed imur quddiemhom biex jieħu r-raġun.
Bħal Simon Busuttil, donnu l-Qorti għandu fiduċja fiha biss meta tgħidlu li għandu raġun. Fil-fatt, kien ikun tajjeb ukoll li Delia jwieġeb jekk jemminx li Egrant hi tal-Prim Ministru bħal Simon Busuttil, temm jgħid il-Partit Laburista.