L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, xejjen il-kritika tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fil-konfront tiegħu.
Dan meta waqt intervista li kellu l-Ħadd l-għadda fuq l-istazzjon tiegħu, Bernard Grech qal li Adrian Delia messu avżah bid-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro f’isem Catco Investiments, lid-Dar tal-Providenza.
Grech qal, “Però xorta waħda iva kien ikun aħjar li kieku infurmani qabel.”
Dwar dan ONE News ħa r-reazzjoni ta’ Adrian Delia barra d-Dar Ċentrali hekk kif kien ħiereġ minn laqgħa li kellu mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
ONE News staqsa lil Dr Delia dwar id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech u xejjen il-kritika li għamel fil-konfront tiegħu.
Delia stqarr: “L-affarijiet meta jkunu jsiru lil hinn mill-politika, li m’għandhomx x’jaqsmu mal-politika, l-iktar ħaġa importanti hi li inti tkun qed tosserva l-kunfidenzjalità ta’ min tkun qed tagħmel it-transazzjoni miegħu.”
Id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro fil-ġbir ta’ fondi tad-Dar tal-Providenza kienet sors ta’ inkwiet kbir għall-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif kompliet tikxef il-qasma interna li għadha tiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt l-establishment tal-Partit Nazzjonalista u li ntefa’ b’ruħu u ġismu wara Bernard Grech fit-tellieqa għat-tmun tal-istess Partit, attakka bl-aħrax lil Adrian Delia dwar din id-donazzjoni.
Fost dawn kien hemm Godfrey Leone Ganado u Wayne Hewitt u l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia.
Dan mhux l-unika sors ta’ kontroversja li seħħ fil-maratona ġbir ta’ fondi tad-Dar tal-Providenza hekk kif dakinhar, xħin l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia flimkien man-nies viċin tiegħu mar jagħti għotja apparti għad-Dar tal-Providenza, ix-xandira tal-istazzjon Nazzjonalista qatgħet biex ixxandar il-messaġġ tal-ewwel tas-sena tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Din il-mossa ma niżlet xejn tajjeb ma’ bosta li urtaw ruħhom li Delia nqata’ biex jidher Bernard Grech.