Ftit jiem ‘il bogħod milli jiġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista ġdid, il-Kap Adrian Delia qed ikompli jitfa’ pressjoni fuq Bernard Grech u l-kampanja tiegħu.
Dan permezz ta’ sensiela ta’ botti u attakki f’numru ta’ intervisti li qed jagħmel.
Fil-fatt f’intervista fuq ir-radju tal-Partit l-Erbgħa wara nofsinhar, Adrian Delia wieġeb lil Bernard Grech dwar il-laqgħa tal-grupp parlamentari li kien jagħmel hu.
Delia qal: “Hemm min qal li jrid jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari. Jiġifieri din is-sena biss iltqajna mhux talli regolarment talli ġieli darbtejn, 3 darbiet fil-ġimgħa.”
Dan wara li Bernard Grech qal li l-grupp parlamentari ma kienx jiltaqa’ għal xhur sħaħ.
Huwa qal: “Żgur li nlaqqa’ l-grupp parlamentari b’mod regolari u ma nħalliħx xahrejn jew 3 xhur ma jiltaqax.”
Delia fetħilha wkoll dwar l-establishment tal-Partit Nazzjonalista li qegħdin wara Bernard Grech.
Fost oħrajn fetħilha kontra Louis Galea li kien strumentali biex kkonvinċa lil Roberta Metsol u Therese Comodini Cachia sabiex ma jikkontestawx u b’hekk twittiet it-triq biex Bernard Grech jikkontesta waħdu kontra Delia f’din it-tellieqa.
Delia sostna: “L-ewwel qishom pruvaw jgħidu li għandna 4, 5, 6, biex ikollna open contest umbgħad ftehmu bejniethom biex ma joħroġ ħadd, umbgħad għażlu huma. Mela l-messaġġ jew li dawn l-4 persuni jiddettaw huma fuq il-kelma tat-tesserati jew iħassru.”
Tenna li r-ribelli mhux veru jridu l-għaqda: “Għall-ewwel darba f’140 sena inti tipprova ssewwi u ġġedded u turi li trid l-għaqda bill l-ewwel ħaġa li tagħmel twaqqa, tkisser tmur kontra l-Kap tiegħek. Dik x’għaqda hi?”
Għal darb’oħra Delia ma ddejjaqx jaħli fuq il-perċimess tar-ribelli, Jason Azzopardi: “Meta jkollok Deputat tiegħek, membru parlamentari li jigdeb fuq il-Kap tiegħu stess. Li jxerred aħbarijiet foloz, li jimmanipula l-verità, li jimxu għal rasu, li jaf li dak li qed jgħid huwa falz li huwa mhux giddieb ta’ agħar, inventat biex jagħmel il-ħsara lill-Kap tiegħu stess. X’ma ħadimx? Hemm problema serja f’min jagħmel hekk.”
Sostna wkoll li l-Partit Nazzjonalista ma kisibx il-fiduċja tan-nies minħabba l-attitudni ta’ dawk li sfiduċjawh: “Inxettel dubju sa’ din il-ġimgħa stess, fuq il-Kap tal-Partit tiegħi stess mhux hekk il-Partit Nazzjonalista.
Naħseb kien hemm numru minnhom li ma hemmx għalfejn ngħid jien għax naħseb kulħadd jaf illum li ma kienx qed jaħdem kien l-attitudni tagħhom.”
Tkellem ukoll dwar is-sondaġġi u kif min użahom bħala skuża biex iqaċċtuh mit-tmun tal-Partit, qatt ma hu se jerġa’ jgawdi l-fiduċja tan-nies.
Delia tenna: “Intom ridtu Kap għal 5 snin u aħna dehrilna mod ieħor għax kien hemm xi editur u kiteb artikli fil-gazzetti kontra l-Kap tagħna flok niddefenduh.
Jiġifieri s-surveys sejrin ħażin minħabba l-Kap tal-Partit jew minħabba dawk li qatt ma huma ser jerġgħu jgawdu l-fiduċja tan-nies?”
Qal ukoll kif is-sondaġġi prattikament ikkundanna lil dawk li jridu jqaċċtuh akkost ta’ kollox: “L-alternattiva hija li dawk li ma rrispettawx il-kelma tat-tesserati, għażlu huma kandidat għalihom taħt l-iskuża tas-surveys li prattikament iktar kien qed jikkundanna lilhom.”
Intant Delia ma felaħx ma jikkonkludix mingħajr ma jgħaddi botta oħra lil Bernard Grech: “Illum jekk tajt evidenza ta’ xi ħaġa jien li totalment miftuh, trasparenti, mal-ġurnalisti, man-nies.”