Jumejn wara li l-Partit Laburista kiseb rebħa oħra kbira fl-elezzjoni ġenerali u Robert Abela ingħata l-akbar mandat fl-istorja ta’ Malta sovrana, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia baqa’ ma qalx jekk għandux fiduċja fil-Kap li ntagħżel minfloku, Bernard Grech.
Mistoqsi fuq ix-xandir nazzjonali t-Tlieta filgħodu, jekk għandux fiduċja f’Bernard Grech, li diġà nsista li jrid iżomm postu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia sabha bi tqila jgħid iva.
“Għandek fiduċja f’Bernard Grech? Għandix fiduċja jien mhix l-iktar ħaġa importanti.”
Din id-dikjarazzjoni ta’ Adrian Delia saret jum wara li fuq Facebook kiteb, li n-nies reġgħet mhux tkellmet imma werżqet, b’reazzjoni għar-riżultat elettorali storiku miksub fit-tmiem il-ġimgħa li għadda.
“Din id-darba wkoll, il-messaġġ loud and clear, dik tfisser twerżaq jiġifieri mhux ftit jew ħafna, imma fil-kuntest ta’ Malta kien unequivocal.”
Delia, li tneħħa minn Kap biex floku tpoġġa Bernard Grech, qal li l-poplu kien ċar fl-għażla tiegħu.
“Dan huwa mandat ċar ħafna ta’ fejn il-poplu jrid imur.”
Adrian Delia qal li dan huwa ż-żmien li l-politiċi jridu jirriflettu fuq l-għażla tan-nies u kulħadd irid jammetti l-iżbalji tiegħu.
“Bilfors trid tibda billi tgħid, mia culpa, le ma sarx biżżejjed. Werżqu n-nies, dak l-istatement tiegħi hekk qed jgħid, trid tagħmel apprezzament tiegħek u tgħid le m’għamilniex biżżejjed.”
Mistoqsi x’kellu jibdel il-Partit Nazzjonalista biex seta’ kiseb riżultat aħjar, Delia kien ċar. L-attitudni.
“L-attitudni li inti titlaq minn punt li mhux inti taf kollox imma li tisma’ ħafna iktar, biex tipprova jkollok apprezzament sħiħ tas-soċjetà fejn qiegħda.”