Bil-mozzjoni li tattakka avviż legali li jagħti dritt ta’ 100 siegħa leave lil ġenituri prospettivi li jieħdu trattament tal-IVF, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, jrid jieħu l-pajjiż lura minflok ‘il quddiem.
F’dan il-każ partikolari Adrian Delia qed jattakka d-dritt ta’ nisa infertili, inkluż dawk f’relazzjoni tal-istess sess.
Dan kien il-messaġġ f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista li matulha tkellmu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru Helena Dalli.
Id-Deputat Prim Ministru nnota kif kienu għadhom lanqas għaddew 24 siegħa minn meta Delia ħa l-ġurament ta’ Deputat Parlamentari li m’użax deputati oħra qrib tiegħu biex ressaq din il-mozzjoni rigressiva.
Il-Ministru Helena Dalli spjegat kif il-100 siegħa leave jirriżultaw minn emendi fil-liġi tax-xogħol li kienu diskussi u kien hemm qbil dwarhom. Tenniet li filwaqt li l-bidla hi mnebbħa mill-bżonn li jingħataw iktar drittijiet lil dawn il-koppji, il-Kostituzzjoni ma tippermettix lanqas diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ġeneru.
Intant, kien enfasizzat li l-Partit Laburista fil-gvern għandu mandat ċar u b’saħħtu li jbiddel il-liġi tal-IVF. Bidla li d-diskussjoni dwarha se ssir fi żmien li ġej.