Is-Sibt filgħodu l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għamel kollegament telefoniku ta’ kwarta jmeri s-sewwa magħruf.
Bl-inkwiet intern u l-pressjoni li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil baqgħet tagħmillu mhux daqstant fid-deher wara l-elezzjoni li kellu kontriha xahar ilu, fuq moħħu, Delia spiċċa jitfixkel fil-ġid.
Fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal li naqsu l-flus fil-but.
Dikjarazzjoni deskritta bħala surreali fid-dawl ta’ statistika li ħarġet iktar kmieni l-EUROSTAT fejn sostniet mill-elfejn u tlettax l’hawn il-pagi tal-ħaddiema Maltin żdiedu b’iktar minn għoxrin fil-mija.
Dan ifisser tlettax fil-mija iktar mill-medja Ewropea.
Iżda quddiem dan kollu, Delia rrepetta n-negattività li ilu jtenni anki fil-Parlament quddiem preżentazzjoni ta’ budget wara l-ieħor mimli miżuri favur il-familji u l-ħaddiema fosthom tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel privati u indipendenti u servizz taċ-childcare b’xejn.
Din id-dikjarazzjoni ġiet ftit jiem biss wara li l-esperti tal-aġenzija ta’ kreditu DBRS, magħrufa għall-indipendenza tagħhom sostnew li l-ekonomija Maltija mhux biss kibret imma saret iżjed reżiljenti minħabba d-diversifikazzjoni tal-ekonomija.
Il-Kap Nazzjonalista uża l-ħin jikkritika wkoll r-riforma fil-liġi tal-kera li għandha l-għan li toħloq bilanċ bejn is-sidien u l-inkwilini.
Fuq ir-radju ħambaq sew kontra din il-liġi u filwaqt li ma ppropona xejn, kellu jibla’ kliemu meta kkonferma li fil-Parlament l-Oppożizzjoni diġa vvutat favur din il-liġi fl-ewwel stadju tagħha.
Din id-dikjarazzjoni friska ssegwi dikjarazzjonijiet simili tal-Kap Nazzjonalista li fil-Parlament jagħmel mod u barra jgħid mod ieħor.
Hekk għamel fil-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
U dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ta’ ċertu prodotti, Delia rrikonoxxa dak li l-Gvern ilu jsostni.
Bl-awtoritajiet tal-pajjiż, bħal dik tal-konsumatur kienet sostniet li hija tieħu nota u tinvestiga mill-qrib kull żieda fil-prezzijiet u tara li dawn iż-żidiet mhux qed isiru b’abbuż fosthom minħabba xi pożizzjoni dominanti fis-suq u bi ksur tal-liġi.