F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ħassu xxukkjat għax il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed jaħdem fuq pjan ta’ għaxar snin dwar is-saħħa li jinkludi wkoll is-saħħa mentali.
Li jidher li ma kienx jaf il-Kap tal-Oppożizzjoni hu li fl-2014 ġie mniedi n-National Health Strategy for Malta 2014-2020 u allura bħalissa qegħdin eżatt f’nofs dan il-pjan nazzjonali. Issa l-Ministeru għas-Saħħa beda jaħdem fuq il-pjan li jmiss, jiġifieri pjan nazzjonali għas-saħħa għal għaxar snin bejn is-snin 2021 u 2030. Il-Ministeru għas-Saħħa se jkun qiegħed jaħdem fuq dan il-pjan flimkien mal-Queen Mary University; istituzzjoni rinomata li diġa għandha preżenza f’Malta permess ta’ Barts Medical School.
Huwa nkredibbli kif l-Oppożizzjoni mhux biss qed turi li m’għandhiex pjan fil-qasam tas-Saħħa, imma saħansitra tikkritika lill-Gvern illi għandu pjan u viżjoni għall-ġejjieni.