L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia għadda botta lil dawk fil-fazzjoni ta’ kontrih meta, waqt intervista fuq l-istazzjon fLiving, irrimarka li fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda n-nies tkellmet u għamlet id-deċiżjoni tagħha, anki dwar id-deputati li ġew eletti fil-Parlament.
Qal, “In-nies jafu jiddeċiedu, Karl. In-nies jgħarfu u, lil hinn minn dawk li huma riżultati elettorali, irridu naraw kif qed jivvutaw in-nies ukoll minn kull partit, lil min qed jagħżlu, lil min qed iżommu, lil min qed ineħħu, lil min jafu li jismagħhom, lil min jafu li joħloq u jagħmel il-ġid.”
Attivisti fil-Partit Nazzjonalista qalu li l-eks Kap Nazzjonalista kien qed jirreferi għal dawk magħrufa li huma fil-fazzjoni ta’ kontrih, fosthom Karol Aquilina u Jason Azzopardi. Karol Aquilina sab postu fil-Parlament biss wara elezzjoni każwali, waqt li l-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi baqa’ l-art għal kollox.
Dawn, flimkien ma’ oħrajn, kienu minn ta’ quddiem biex, fis-sajf ta’ sentejn ilu, qaċċtu lil Adrian Delia minn Kap u minfloku poġġew lil Bernard Grech.
Ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali, li fiha l-Partit Nazzjonalista sofra l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien qal li n-nies kienet werżqet.