Adrian Delia jaħseb u jittama biss li b’dak li għamel jista’ jiġi rijabilitat fil-Partit Nazzjonalista, maħnuq mill-establishment.
Kien dan is-sentiment u messaġġ li għadda f’artiklu li ppubblika fuq il-blogg tiegħu l-eks chief of staff ta’ Austin Gatt u eks kandidat Nazzjonalista, Manuel Delia.
Manuel Delia, wieħed mill-ewlenin fil-forza tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista, kiteb artiklu b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Kiteb li kieku llum Daphne Caruana Galizia titfa’ għajnejha fuq Adrian Delia li, skont Manuel Delia, konxjament injora informazzjoni ta’ Caruana Galizia b’rabta mal-każ u jifhem li jista’ jitfejjaq filwaqt li jittama li jiġi rijabilitat.
Wieħed mill-ewlenin li jiġbed l-ispag tal-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech – tant li qallu sa mill-bidu biex ma jgħaxxaqhiex għax inkella malajr isibu lil xi ħaddieħor minfloku – enfasizza li l-eks Kap Nazzjonalista jista’ biss jittama li jiġi rijabilitat fil-Partit Nazzjonalista kkontrollat mill-establishment.
Id-dikjarazzjoni ta’ Manuel Delia hija riżultat tal-fatt li l-fazzjoni ta’ Adrian Delia reġgħet bdiet tissaħħaħ fil-Partit Nazzjonalista, maqsum f’elf biċċa, bl-establishment li għandu l-kontroll sħiħ tal-Kap ma jridx lanqas jagħti mqar punt lil ta’ Delia biex iħossu iżjed rebbieħ fil-Partit Nazzjonalista.
L-inkontri bejn Manuel Delia u Adrian Delia dejjem kienu jaħarqu, b’tal-ewwel kien qal li l-eks Kap u n-nies tiegħu ħaqqhom l-aktar ċirku fond tal-infern filwaqt li l-eks Kap kien jgħid li dak li ġab lill-Arriva f’Malta huwa giddieb.
Il-kunċett tar-rijabilitazzjoni fil-Partit Nazzjonalista huwa wieħed imħaddan ferm.
Fil-fatt, il-Kap stess, Bernard Grech, kien qal li jistgħu jiġu rijabilitati nies fil-partit tiegħu, b’Delia kien wieġbu ċar li ma jaqbilx u saħaq li biex wieħed jiġi rijabilitat, irid ikun għamel xi ħaġa ħażina.