“Hemm shadow cabinet mhux m’hemmx. Dak li hemm qed jagħmel xogħlu, qed jagħmel xogħlu tajjeb ħafna.”
Ħmistax wara din id-dikjarazzjoni Adrian Delia iddeċieda li jagħżel shadow cabinet ġdid.
Madankollu din it-tħabbira kellha tiġi posposta, mis-sibt filgħodu għal tard waranofsinhar hekk kif diversi deputati m’aċċetawx id-deċiżjoni tal-Kap tagħhom.
Din l-oppożizzjoni tad-Deputati Nazzjonalisti wasslet għal sigħat sħaħ ta’ negozjati jaħarqu bejn Delia u d-deputati tiegħu li fi kliemhom ma riedux jaċċettaw il-loqom.
Delia kien imġiegħel jibdel il-pjan oriġinali tiegħu għax ma’ ħafna mid-Deputati baqa’ ma wasalx fosthommal-ex vici kap nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Għal darb oħra kien ONE News li żvela dak li kien qed jinħema tard il-Ġimgħa filgħaxija fid-Dar Ċentrali meta Delia kien qed isejjaħ lid-deputati biex ibiddel ix-shadow cabinet tiegħu.
Eventwalment ftit minuti wara li ħarġet din l-aħbar segwew konfermi f’ġurnali online oħra.Iżda, il-Ġimgħa filgħaxija Delia spiċċa m’għalaqx. Matul il-jum tas-Sibt Delia reġa’ qatta’ sigħat sħaħ ta’ negozjati sabiex iwarrab lil dawk li xi darba jew oħra opponewh.
Huwa saħansitra ordna li jitla’ rapport fuq Net News bl-aħbar tax-shadow cabinet il-ġdid. Din kienet deskritta bħala manuvra ta’ pressjoni fuq id-deputati li kienu għadhom ma qablux mal-kap.
Jason Azzoppardi, li dejjem kien voċiferu kontra Delia tneħħa mill-kariga ta’ Shadow Minister għall-Ġustizzja sabiex jitpoġġa kelliem dwar l-Ambjent.
Minkejja li Toni Bezzina kien istab ħati li qabbad ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħlijiet fuq każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq, Delia tah il-kariga ta’ Shadow Minister għall- Infrastruttura.
Karol Aquilina, li kkritika mhux ftit lin-nies qrib Delia fosthom bil-mazunerija, twarrab minn Shadow Minister għall-ambjent u tpoġġa bħala kelliem għaċ-Ċittadinanza u r-Riformi.
Minkejja li l-Qorti kkonfermat li kumpanija ta’ Simon Busuttil inagħtat miljun u nofs f’Direct Orders, Busuttil ġie appuntat bħala kelliem għall-Governanza Tajba.
Therese Commodini Cachia ttiħdilha d-dekasteru tal-Edukazzjoni u ġiet appuntata bħala kelliema għall-Kultura u l-Media.
Kristy Debono ġiet promossa għall-kelliema dwar l-Ekonomija. Dan sar fid-dawl li l-familja Debono kienet strumentali sabiex Delia kiseb siġġu fil-Parlament.
Sorsi tagħna qalulna li Chris Said, Beppe Fenech Adami u Mario De Marco baqgħu iwebbsu rashom u se jibgħu iżommu d-dekasteri li tahom Simon Busuttil.
Delia għamel dawn il-bidliet wara li kien qed jiġi kkritikat li qed juri dgħufija billi baqa’ jżomm nies qrib Simon Busuttil.
Minkejja li ħa azzjoni kollox jindika li r-riżultat aħħari ma kienx dak li xtaq hu.